Wednesday, April 24, 2024

Minkejja l-pandemija l-gvern wettaq 65% tal-baġit imwiegħed

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Minkejja li din is-sena kienet ikkaraterizzata minn sfida ta’ kriżi globali, fejn ħafna mill-ħidma tal-Gvern ġiet iffukata bla mistenni fuq il-pandemija, dan il-Gvern xorta waħda wettaq 65% ta’ dak li wiegħed fil-baġit għas-sena 2020.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, waqt it-tnedija tal-pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Baġit 2020’.

Dan id-dokument, li ġie mniedi għas-seba’ sena konsekuttiva, jagħti rendikont tal-ħidma tal-Gvern fit-twettiq tal-miżuri mħabbra fil-baġit li ġie preżentat f’Ottubru 2019.

Il-Ministru Scicluna fakkar li din is-sena, il-Gvern ma kellux biss dawn il-miżuri tal-Baġit 2020 xi jwettaq. F’Ġunju li għadda, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ġie mħabbar baġit ieħor straordinarju ta’ €900 miljun sabiex immedjatament tingħata għajnuna lill-familji u lin-negozji. Dan il-pakkett ta’ miżuri kien l-ikbar injezzjoni li qatt għamel dan il-Gvern fl-istorja ta’ pajjiżna.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Scicluna għamel referenza għal diversi miżuri li ġew imħabbra waqt dawn iż-żewġ baġits. Fost dawn il-miżuri, il-Ministru Scicluna semma’ l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa fuq l-overtime. Il-Ministru Scicluna spjega kif għas-sena 2020, l-ewwel 100 siegħa ta’ overtime fis-sena, għal dawk kollha li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix l-€20,000 fis-sena u li ma għandhomx pożizzjoni maniġerjali, bdiet tiġi ntaxxata bil-15%. Din il-miżura mistennija tiswa lill-Gvern €5.3 miljun.

Din kienet waħda mill-wegħdiet ta’ dan il-Gvern, li l-ħlas tal-overtime jiġi ntaxxat b’rata aġevolata.

Il-Ministru Scicluna spjega kif dan kien il-ħsieb wara t-tfassil tal-baġits matul is-snin, li permezz tagħhom il-Gvern ħaseb u ppjana b’mod għaqli sabiex ikompli jniżżel il-piżijiet minn fuq il-familji Maltin u Għawdxin u jippremja l-bżulija.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ħabbar li, “minkejja l-pandemija, twettqu 65% tal-miżuri tal-Baġit fl-2020, biex b’hekk it-total ta’ miżuri tal-baġit imwettqa f’dawn l-aħħar seba’ snin jammonta għal ċifra impressjonanti ta’ 1,606 miżuri”.

Is-Sur Cutajar qal li kien hemm xi miżuri li kellhom jiġu posposti minħabba li l-pandemija ħarbtet il-prijoritajiet tal-Gvern, però s-Servizz Pubbliku se jkompli jaħdem biex il-miżuri li jinsabu fi stadju tal-proċess, jekk għadhom applikabbli, jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin. Dan kollu jindika li s-Servizz Pubbliku qiegħed ikompli jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu u jagħtihom permanenza.

Huwa semma’ wkoll kif apparti l-miżuri tal-baġit, din is-sena kellna miżuri eċċezzjonali minħabba l-pandemija, li s-Servizz Pubbliku, bħala l-id amministrattiva tal-Gvern, dejjem implimenta fi żmien qasir ħafna, biex b’hekk gawdew eluf kbar ta’ Maltin u ġew salvati madwar 93,000 impjieg.  Kien bis-saħħa ta’ hekk,  b’għajnuna bla preċedent permezz ta’ erba’ pakketti li swew €2.7 biljun, illi l-ekonomija Maltija mhux talli mhux se tirkupra, imma hija prevista li se tikber b’7% s-sena d-dieħla. 

Is-Sur Cutajar fakkar li meta nhar it-Tnejn li ġej jitħabbar il-Baġit għall-2021, se jiskatta proċess ieħor li jwassal biex bħal daż-żmien sena tiġi ppreżentata pubblikazzjoni oħra dwar il-miżuri li jkunu twettqu. Huwa aċċenna illi l-baġit mhuwiex biss eżerċizzju ekonomiku u fiskali, imma huwa wkoll għodda li biha nkomplu nilħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-pubblikazzjoni dwar it-twettiq tal-baġit hija rendikont ta’ trasparenza, kontabilità bil-fatti u governanza fil-prattika. “Dan hija sena ta’ konsolidament fejn qed inħarsu lejn dak kollu li wettaqna bħala Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar seba’ snin, biex dak li hu tajjeb insostnuh u dak li mhuwiex tajjeb, inbiddluh u ntejbuh. Dan għaliex is-Servizz Pubbliku jrid jibqa’ fuq quddiem, dejjem mal-pubbliku fil-ħtiġijiet tiegħu”, temm jgħid is-Sur Cutajar.

Sport