Sunday, November 24, 2024

“Minkejja li ma wasalx id-deheb, xorta nistgħu nqisu ruħna sodisfatti b’dak li ksibna”

Duncan Fenech, Kowċ tat-tim nazzjonali tal-Basketball tal-Irġiel

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, it-tim nazzjonali tal-Basketball tal-Irġiel kiseb il-midalja tal-fidda fil-Kampjonat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej tal-FIBA li saru f’Andorra. Fil-finali huma tilfu 84 għal 79 f’logħba ferm viċin xulxin. Wara li t-tim ospitu kien qed jirbaħ b’punt wieħed fl-ewwel sessjoni, fit-tieni taqsima David Bugeja spikka għall-Maltin meta rnexxielu jdawwar l-iskor għal 20-15 sabiex fit-tielet sessjoni l-logħob kien wieħed bilanċjat kif jindika l-iskor ta’ 53-53. Lejn l-aħħar Andorra kellhom dik ix-xi ħaġa aħjar biex ħarġu rebbieħa u b’hekk ħadu d-deheb.

It-tim Malti kien immexxi minn Duncan Fenech li ġie maħtur f’dan ir-rwol fi Frar li għadda. Fenech huwa magħruf fix-xena tal-Basketball lokali u l-għażla tiegħu bħala kowċ nazzjonali ittieħdet minħabba l-esperjenza li għandu f’dan il-qasam.

Esperjenza kemm bħala kowċ f’livell ta’ klabb, b’mod speċjali fil-klabb ta’ Luxol, iżda anke fil-qasam nazzjonali fis-settur taż-żgħażagħ.

Huwa anke serva fil-kariga ta’ assistent kowċ tat-timijiet nazzjonali U16 u U18 li ħadu sehem fil-kompetizzjonijiet tal-FIBA fl-2021 u l-2022.

Din il-gazzetta ħadet il-kummenti tiegħu wara dan il-kampjonat li kien wieħed sodisfaċenti għall-Maltin.

“Minkejja li ma wasalx id-deheb, xorta nistgħu nqisu ruħna sodisfatti b’dak li ksibna. Eżatt wara l-logħba kontra l-Andorra kellna xi ftit tad-diżappunt li konna tant viċin iżda ‘l bogħod li nieħdu d-deheb. Minkejja kollox, il-logħob ma kienx daqshekk favurina u għalekk nissodisfaw ruħna bil-midalja tal-fidda.”

Kellna fost l-oħrajn plejers li kienu ġejjin mill-impenji tagħhom barra minn xtutna fosthom Sam Deguara li jilgħab fit-Taiwan ma’ Taiwan Mustangs u Joshua Tomasi li jilgħab ma’ Casey Cavaliers Cranbourne fl-Awstralja. Dan kellhom l-impenji tagħhom mal-klabbs rispettivi u ngħaqdu magħna fl-aħħar ħin. Ma tantx kellna ċ-ċans naħdmu qabel u l-bidu tagħna kien xi ftit kajman imma qbadna ġejjin mat-tieni logħba.

Kellimnih dwar l-ewwel logħba li tilfu kontra Ġibilta’ bl-iskor ta’ 89-81. Fenech qalilna li ma xtaqux jikxfu l-karti tagħhom sa mill-bidu iktar u iktar meta kienu jafu li l-andament ta’ din il-logħba ma kienx se jkollu xi effett ta’ barra minn hawn fil-kumplament tal-kompetizzjoni. Hu qal li pprova xi tattiċi li f’xi mumenti rnexxew għalkemm xi drabi kien hemm ukoll xi ftit tad-diffikultajiet.

Eventwalment fit-tieni logħba waslet rebħa ta’ 92-52 kontra San Marino, logħba li Duncan Fenech kien ferm kuntent biha.

“Ħassejt li f’din il-partita urejna karattru u waslet rebħa importanti. Ridna wkoll nuru l-preżenza tagħna li qiegħda hemm, xi ħaġa li sħaqt ħafna mal-plejers tiegħi. Rajt id-determinazzjoni tal-plejer u konna konvinċenti ferm.”

“Il-logħba kontra Andorra li tlifna 82-78, bdejna tajjeb hafna, konna ferm viċin l-avversarji tagħna iżda kellna ħafna turnovers li saħansitra stajna rbaħniha wkoll. Huma ndunaw bil-potenzjal tagħna kontra San Marino u hemmhekk fejn aħna sofrejna l-aggressivita’ tagħhom.”

Fil-logħba li kien imiss kontra Ġibilta, il-Maltin kienu moħħhom hemm tant li rebħu 85-79 sabiex ikkwalifikaw għall-finali.

“Ridt nara li f’din il-partita, aħna nkunu aktar aggressivi u rnexxielna nevitaw il-ħsara li għamlulna fl-ewwel logħba li konna lgħabna kontrihom u li tlifna. Konna dejjem fil-kontroll tal-logħba u dan kollu kien il-kontribut li wasalna biex għaddejna għall-finali li tkellimna dwarha aktar qabel.

Finalment saqsejna lil Duncan Fenech dwar il-futur tal-basketball Malti.
“Jidher li hemm fejn inkomplu ntejbu l-potenzjal tagħna. Għad-differenza tas-soltu, kellna staff u plejers li kienu kollha Maltin. Kelli lil Omar Said jassistini bi Brandon Cassar Seguna li wkoll kien fuq il-bank. Għamilna ħafna xogħol ma’ dawk il-plejers li jipparteċipaw fil-kampjonati lokali u dan hu dettall importanti ħafna fejn aħna nistgħu ntejbu l-prodott tagħna.

Sport