Sunday, November 24, 2024

Minn 18-il suwiċidju, 17 minnhom kienu minn irġiel

... L-iżgħar vittma kien ġuvni ta’ 16-il sena

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Din is-sena daqt tispiċċa kif ta’ għadab, spiċċat ukoll il-ħajja ta’ 18-il persuna li mietu b’suwiċidju. Hekk kif qegħdin lejn tmiem Novembru wkoll, ix-xahar li fih nqajmu għarfien dwar saħħet l-irġiel bil-kampanja “Movembru”, statistika ppreżentata fil-parlament ikkonfermat għal darb’oħra l-prevalenza qawwija u inkwetanti li hemm ta’ rġiel li jtemmu ħajjithom b’idejhom meta mqabbla man-nisa.

Minn informazzjoni li ta l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, irriżulta li minn Mejju sad-9 ta’ Novembru 2023, kienn hemm total ta’ 18-il suwiċidju li 17 minnhom kienu rġiel. L-uniku każ ta’ mara li mietet b’suwiċidju seħħ f’Mejju li għadda u kellha 37 sena.

L-iżgħar fost is-17-il vittma fost is-sess maskili jirriżulta li kien ġuvni ta’ 16-il sena, traġedja li seħħet f’Awissu li għadda. Fl-istess xahar, raġel ta’ 42 ukoll miet b’suwidju. L-aktar persuna mdaħħla fl-età li mietett b’suwiċidju kien anzjan ta’ 78 sena f’Mejju 2023.

L-aktar xhur li tulhom ġew irreġistrati suwiċidji kienu dawk ta’ Settembru u Ottubru b’total ta’ erba’ kull wieħed. F’Settembru kien hemm vittma żagħżugħ ieħor li din id-darba kellu 17-il sena. L-etajiet tat-tliet irġiel l-oħra li mietu b’suwiċidju f’Settembru kienu ta’ 27, 28 u 40 sena.

Fit-tieni xahar bl-akbar ammont ta’ vittmi jirriżulta li l-etajiet kienu bl-iżgħar wieħed ta’ 38 sena mentri, it-tlieta l-oħra kellhom 54,55 u 59 sena. Mejju wkoll kellu erba’ vittmi ta’ suwiċidju b’wieħed ikun minn mara. It-tlett irġiel l-oħra li mietu b’suwiċidju kienu żgħażugħ ieħor ta’ 19-il sena; l-anzjan ta’ 78 sena li semmejna aktar ‘il fuq; u raġel ta’ 54 sena.

F’Ġunju, Lulju u Awissu kien hemm żewġt irġiel kull xahar li mietu b’suwiċidju. F’Ġunju l-vitttmi kellhom 66 u 44 sena; dawk li mietu f’Lulju kellhom 24 u 27 sena; mentri l-vittmi f’Awissu kien il-ġuvni ta’ 16-il sena u raġel ta’ 42 sena.
Il-Ministru Camilleri kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija li saritlu mid-deputat tal-PN, Ivan Bartolo.

Is-suwiċidju mhuwiex soluzzjoni… Fittxu l-għajnuna!

Filwaqt li nisħqu li n-nies mhumiex numri iżda persuni li f’mumenti diffiċli jistgħu jidħlu fi kriżi serja u jisfgħu vittmi, infakkru li l-persuni li mietu b’suwiċidju, kollha għandhom il-familji. Minn hawn, aħna ngħaddu l-kondoljanzi tagħna.
L-għarfien huwa importanti biex niġġieldu din il-pjaga soċjali fejn, kif kemm-il darba qalilna l-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dott. Mark Xuereb, is-suwiċidju mhuwiex is-soluzzjoni.

Hawnhekk nistiednu biex kull min huwa fi kriżi jew jaf lil xi ħadd li għandu ħsibijiet suwiċida, biex ifittex l-għajnuna. Hemm servizzi eċċellenti 24/7 ta’ li jsalvaw il-ħajjiet.

Ċemplu fuq il-hotline tal-Crisis Resolution Malta fuq: 9933 9966 jew tistgħu żżuru l-papna tal-Facebook tagħhom jew inkella tużaw il-KriżiApp.

Sport