Monday, May 13, 2024

“Attakki fuq pulizija qatt m’huma skużabbli” – Il-Qorti

Aqra wkoll

Żewġt irġiel kienu kkundannati 15-il xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li ħebbew għal erba’ uffiċjali tal-pulizija u darbu ħafif tnejn minnhom.
L-irġiel huma Kidu Gebremariam Gebrecharikos, Eritrean ta’ 37 sena residenti l-Marsa u Mustafa Aseyr Ahmed, Somalu ta’ 27 sena residenti l-Gżira.

Huma kienu mixlija wkoll li nhar id-9 ta’ Ottubru li għadda, bejn id-9.30 a.m. u l-11.30 a.m. fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan serqu mobile għad-detriment ta’ persuna oħra.

Gebrecharikos waħdu kien mixli li għamel ħsara fuq vettura tal-pulizija u li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża mentri Mustafa waħdu kien mixli li rrenda ruħu reċediv b’sentenza mogħtija lilu mill-Qorti tal-Maġistrati.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, iż-żewġt irġiel wieġbu li huma ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. Huma kkonfermaw din l-ammissjoni anke wara li l-Qorti tathom aktar żmien sabiex jekk iridu, jerġgħu lura minnha.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti reġgħet tenniet li l-Pulizija jridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd m’huwa skużat – tkun xi tkun ir-raġuni – li jhedded lil xi ufficjal tal-Pulizija jew li b’xi mod iweġġagħhom.

“Ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien. Dan ir-rispett għandu jidher b’mod l-aktar ċar u enfatiku f’sitwazzjonijiet fejn tkun daħlet imqar naqra tensjoni. F’dan il-każ, it-tensjoni ħoloqha bla bżonn l-imputat stess, liema imġiba qatt mhi se tkun tollerata minn din il-Qorti.

“Il-Qorti ma tridx li membri tal-Korp tal-Pulizija jiddemoralizzaw ruħhom għaliex għad hawn min jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi u ma jirrispetta lil ħadd. Attakk fuq membru tal-Korp tal-Pulizija jew xi forza oħra tal-ordni huwa attakk fuq is-soċjetà kollha. Kif jista’ f’pajjiżna xi ħadd jaċċetta li membru tal-korp ħareġ mid-dar għal ġurnata tax-xogħol u rritorna lura ferut?”, tenna l-Maġistrat Mifsud.

“Il-Pulizija Eżekuttiva hija hemm sabiex tipproteġi ċ-ċittadin u m’għandhiex tiġi mqiegħda f’sitwazzjoni li tibża teżercita d-dritt tagħha li tikkoregi lill-individwu li ma jkunx qed jimxi skont il-liġi.”

Il-Qorti żiedet tħeġġeġ lill-uffiċjali tal-Pulizija sabiex jintervjenu kull fejn ikun hemm xi nuqqas ta’ terz u dan bl-intendiment li jkun hemm armonija sħiħa fil-pajjiż.

Kien għal dawn ir-raġunijiet filwaqt li sabithom ħatja tal-akkużi, ikkundannat lil Gebrecharikos għal seba’ xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €4,000 u lil Ahmed għal tmien xhur priġunerija u €4,000 multa.

Sport