Friday, November 15, 2024

Minn għada l-użu tal-maskra huwa obbligatorju kullimkien

Aqra wkoll

Minn nhar it-Tnejn bars u clubs se jibdew jagħlqu fil-11.00 p.m.

L-użu tal-maskri se jsir mandatorju kullimkien, u l-bars u l-clubs se jkunu mġegħlin jagħlqu fil-11.00 p.m. Dan ħabbru l-Prim ministru Robert Abela hekk kif ħabbat numru ta’ miżuri li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ bil-għan li tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Filwaqt li l-miżura tal-maskra se tkun qed tidħol fis-seħħ minn għada, il-miżuri li jikkonċernaw lill-istabbilimenti se jkunu qed jidħlu fis-seħħ nhar it-Tnejn li ġej.

Fl-istess waqt minn nhar l-24 ta’ Ottubru kull min jinqabad f’postijiet pubbliċi mingħajr maskra se jibda jiġi mmultat.

Dawn il-miżuri tħabbru wara li aktar kmieni llum tħabbru numru rekord ta’ każi ġodda sa mill-bidu tal-pandemija f’pajjiżna, bil-Prim Ministru jisħaq li issa wasal żmien kritiku biex il-pajjiż jiġġieled il-pandemija.

Huwa żied jgħid li filwaqt in-numru tal-każi kompla jiżdied, is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal l-istess bħalma qed jiġri f’pajjiżi Ewropej, ir-regoli dwar il-Covid-19 f’pajjiżna qed jiġu osservati inqas. Għaldaqstant dan wassal biex jiġu introdotti miżuri ġodda bl-infurzar tagħhom isir b’mod aktar effiċjenti.

Il-miżuri li jikkonċernaw lill-istabbilimenti ma jolqtux lil restoranti. Fir-rigward tal-ilbies tal-maskra, filwaqt li se jkun mandatorju kullimkien, anke fuq il-post tax-xogħol, hemm ċerti eċċezzjonijiet bħal waqt attività fiżika. Persuni jistgħu jneħħu l-maskra wkoll waqt konversazzjonijiet ma’ persuni li jkunu jiddependu mill-qari tax-xofftejn u kif ukoll meta wieħed ikun qed jitkellem fil-pubbliku.

It-tfal huma eżentati minn din il-miżura, u wieħed jista’ wkoll ma jużax il-maskra meta jkun waħdu fil-karozza. Madankollu il-maskra għandha tintlibes f’każ li fil-karozza jew vettura jkun hemm passiġġieri.

Il-multi se jkunu qed jiżdiedu minn €50 għal €100, madankollu se tingħata ġimgħa ċans qabel jibdew jingħataw il-multi.

Il-maskra għandha wkoll tintlibes fl-iskejjel il-ħin kollu.

Feanre qal ukoll li mit-28 ta’ Ottubru li ġej se jibda jsir użu mir-rapid testing. Dawn it-testijiet għandhom rata ta’ korrettezza ta’ 95% u se jkunu qed jintużaw fi djar tal-anzjani, skejjel u f’servizzi tas-saħħa biex il-każi jinqabdu f’fażi bikrija.

Huwa żied jgħid li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi li se tkun qed tikseb il-vaċċin kontra l-Covid-19 f’każ li dan ikun disponibbli.

Huwa temm jgħid li mal-75,000 diġà ħadu l-vaċċin kontra l-influwenza, b’paragun mal-85,000 persuna li tlaqqmu kontra l-influwenza s-sena li għaddiet.

Ekonomija

Sport