Wednesday, April 24, 2024

Il-President Franċiż Macron jgħid li l-qtil tal-għalliem li tħanxritlu rasu kien “attakk terroristiku Iżlamiku”

Aqra wkoll

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li l-għalliem li nqatel f’subborg ta’ Pariġi “nqatel minħabba li kien jgħallem lill-istudenti tiegħu l-libertà tal-espressjoni”. Il-qtil qed jiġi investigat mill-pulizija ta’ kontra t-terroriżmu.

“Wieħed miċ-ċittadini tagħna nqatel minħabba li kien jgħallem lill-istudenti tiegħu l-libertà tal-espressjoni,” tenna Macron wara li wasal fis-subborg ta’ Conflans-Sainte-Honorine, fejn seħħ l-attakk.

“Il-kompatrijott tagħha kien il-vittma ta’ attakk terroristiku karatteristiku Iżlamiku,” huwa żied jgħid.

L-għalliem safa attakkat waqt li kien miexi fi triq. L-aggressur allegatament beda jgħajjat “Allahu Akbar” (Alla huwa Kbir”) hekk kif attakka lill-għalliem b’sikkina. Rapporti fil-midja rrapportaw li l-aggressur ħanxar ras l-għalliem.

Macron żied jgħid li l-attakk fuq l-għalliem kien attakk fuq ir-Repubblika Franċiża u l-valuri tagħha. Huwa tenna li l-pajjiż qed jiffaċċja battalja eżistenzjali biex jiddefendi l-possibbiltà li jrawwem lil uliedu f’ċittadini ħielsa “ġejjin minn fejn ġejjin, u jemmnu f’liema reliġjon jemmnu”.

Jidher li l-għalliem kien wera lill-istudenti tiegħu karikatura tal-Profeta Mohammed, att li Musulmani devoti jikkunsidraw bħala blasfemija punibbli bil-mewt.

L-allegat aggressur tal-attakk ħarab lejn il-belt ta’ Eragny, fejn eventwalment safa ċċirkondat mill-pulizija. Huwa rrifjuta li jagħti lilu nnifsu lill-pulizija u anke beda jhedded lill-pulizija preżenti b’dawn imġegħlin jisparaw tiri fil-konfront tiegħu.

Tliet ġimgħat ilu, żewġ persuni sfaw midrubin minn raġel armat b’sikkina barra l-eks uffiċini tal-magażin satiriku Charlie Hebdo. L-aggressur ma kienx konxju li l-magażin kien biddel l-indirizz tiegħu.

Sport