Thursday, December 26, 2024

Minn għada n-nies jibdew jirċievu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt ir-rally Team Malta mill-Fosos, fil-Floriana, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar lil minn għada n-nies se jibdew jirċievu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa filwaqt li qal li l-Partit Laburista se jibqa’ l-forza tal-mobiltà soċjali.

Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, Dr Abela beda billi innota kif tliet ġimgħat ilu bdiet it-triq li se twassalna għas-26 ta’ Marzu. “Flimkien tlaqna fuq vjaġġ li sa issa diġà ħadna madwar il-maġġoranza tal-ibliet Għawdxin u Maltin. B’sens t’umiltà, iżda daqstant ieħor b’konvinzjoni qed nippreżentaw dak li nixtiequ għall-pajjiż. Din li qegħdin fiha bħalissa hija biss l-ewwel parti tal-vjaġġ għax din mhix biss tellieqa elettorali. Din mhix għażla dwar liema partitarji se jiċċelebraw l-għada tal-elezzjoni iżda hija għażla dwar x’tip ta’ soċjetà rridu biex mis-26 ta’ Marzu ‘l quddiem il-poplu kollu jiċċelebra u jiggwadanja,” qal Dr Abela.

Qal li fuq kollox dan huwa vjaġġ li matulu jridu jibqgħu jitkellmu dwar għaliex l-għażla li għandna quddiemna hija importanti, għax fi kliemu hija għażla li tagħmel id-differenza.

“Ħaddiehor minflok jipprova jikkonvinċi għaliex il-pjan tiegħu huwa aħjar minn tagħna qed jipprova jagħti x’jifhem li l-għażla li għandna quddiemna mhix waħda importanti. Iżda, l-għażla u d-deċiżjoni f’kull elezzjoni ġenerali hija importanti u din id-darba hija importanti aktar minn qatt qabel.”

Tkellem dwar pajjiż li ħiereġ minn pandemija, f’dinja li qed terġa’ taffaċċja inċertezza u instablilità. Qal li hemmhekk jikber il-bżonn li tmexxija tkun stabbli u tkun taf x’qed tagħmel.

Aċċenna li l-għażla hija dwar jekk immorrux lejn il-passat jew il-futur. Qal li dan mhux sempliċi diskors elettorali, iżda qal li ma’ kull jum li jgħaddi bdew jaraw aktar kemm tassew din hija l-għażla li l-poplu għandu quddiemu. 

“Kont konvint mill-ewwel li dik hija l-għażla għax kont narhom fil-Parlament b’għajnejja jfixklu kważi kull riforma li konna qed nagħmlu. Fejn ma fixklux, appoġġjaw b’nofs qalb. Kull darba li ġejna f’mument li kellu jirrenja l-interess nazzjonali, ma sibnihom qatt magħna favur pajjiżna. Anzi kull meta setgħu jfixklu, fixklu kemm felħu u ta’ dan biss waħdu ma ħaqqhomx il-fiduċja.”

Tkellem dwar l-1,000 proposta li qed jipproponu bħala Partit Laburista. Qal li l-passat issibu fil-verżjonijiet differenti li l-PN ippreżenta fil-manifest elettorali. Qal li dawn il-verżonijiet differenti wrew kemm għandna Oppożizzjoni inkompletenti u diżorganizzata.

“Timmaġawhom imexxu f’nofs pandemija? Timmaġinawhom imexxu issa fiż-żmien ta’ tensjonijiet li għandna madwarna, bi gwerra fl-Ewropa stess? Araw kemm għamlu verżjonijiet, ħamsa żgur. Żammew iżda prinċipju wieħed konsistenti – it-twemmin li jekk hemm piż x’jintrefa, jintrefa miż-żgħir. Il-ħsieb tagħhom, ta’ qabel l-2013, li reġgħu tawh il-ħajja f’manifest arroganti.”

Qal li l-għażla tas-26 ta’ Marzu hija tant importanti għax ma nistgħux nieħdu riskji bil-futur ta’ uliedna. Żied jgħid li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jipproponu l-PN, mhux talli se jkunu qed iżommu l-għajnuna, talli fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali għandhom inizjattivi ġodda u b’saħħithom bil-mira li ħafna aktar nies isiru sidien ta’ darhom.

“Anke ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni li ilkom tirċievu, li ilkom tirċievu kull sena. Mhux se jibqgħu jagħtuhom qalu. Grech qal li dan iċ-ċekk huwa politika tal-gimmicks. L-aktar  li jbati magħhom huma dawk bil-paga minima. Lawrence Gonzi ftakru kien jintaxxah lil dak bil-paga minima. Grech qed jgħid li jwaqfilhom iċ-ċekk ta’ €140, iċ-ċekkijiet li minn għada se tibdew tirċievu.”

Qal li jinsabu konvinti  li jekk isaħħu s-suq tax-xogħol, iżommu l-pensjonijiet tagħna sostenibbli u żied jgħid li għalhekk qed jgħidu b’mod ċar li se jżidu l-pensjonijiet.

Innota kif il-manifest tal-PN huwa dak tat-terms u conditions, filwaqt li tal-PL kundizzjoni waħda biss għandu – “li biex tgawdu mill-1,000 proposta li fih, tridu tivvutaw għalihom fis-26 ta’ Marzu.”

Dr Abela qal li jekk hawn min ħaseb li d-differenza bejn il-partiti m’għadiex teżisti, dak id-dubju telaq darba għal dejjem u għalhekk tgħodd ħafna l-għażla li se nkunu qed nagħmlu fis-26 ta’ Marzu.

Semma kif kemm ilha li bdiet il-kampanja kelna tliet aħbarijiet ekonomiċi importanti fosthom li sirna nafu li s-sena li għaddiet l-ekonomija tagħna qabżet l-ekonomija ta’ qabel il-pandemija b’nofs biljun. Dan apparti mill-aħbar fejn l-FATF qalet li pajjiżna wettaq b’suċċess il-pjan ta’ azzjoni li ġie maqbul magħhom.

Dr Abela assigura lill-poplu li se jkomplu jagħmlu l-ġid u qal li mhux se jieqfu jirriformaw. Għal darb’oħra aċċenna dwar tragward importanti fejn pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Żied jgħid li l-akbar sodisfazzjon li jsib huwa meta jara x-xogħol iebes li qed jagħmlu, qed iħalli l-frott, il-frott ta’ opportunitajiet mill-aqwa.

“Aħna nibqgħu l-forza tal-mobilità soċjali,” qal Dr Abela, “u jekk bit-tajjeb li għamilna, ħloqna middle class ġdida, b’dak li se nkunu qed nagħmlu fil-ħames snin li ġejjin, dik il-middle class irridu nkomplu nsaħħuha. Għalhekk pagi aħjar għal kulħadd. Għalhekk roħs fit-taxxa għal kulħadd. Għalhekk l-akbar investiment fin-negozji tagħna.”

Żied jgħid: “Aħna nemmnu li nkunu rnexxejna biss meta kulħadd jirnexxi u biex naslu hemm irridu nimxu triq mingħajr preġudizzji. Huwa proprju għax qatt ma konna ddominati mill-preġudizzji li dan il-pajjiż dejjem sabna miftuħin għall-bidla.”

Dr Abela temm id-diskors tiegħu b’appell lill-poplu: “Ejjew naħdmu għal Malta Flimkien. Irridu nkunu Tim Malta b’ħarsitna lejn il-futur. Agħtuni l-ewwel mandat biex minn elf proposta nagħtikom elf kisba ġdida.”

Ritratti: Roger Azzopardi

Ekonomija

Sport