Sunday, December 22, 2024

Minn għada żieda fil-Paga Minima

“Ftehim li se jħalli impatt mifrux u b’saħħtu” – Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul

Aqra wkoll

Il-ftehim storiku dwar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali jidħol fis-seħħ minn għada l-1 ta’ Jannar. Dik li se tidħol fis-seħħ minn għada hija l-ikbar żieda li qatt kien hemm fil-Paga Minima Nazzjonali fl-Istorja u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal lil IT-TORĊA li l-effett tagħha mistenni jkun wieħed mifrux u b’saħħtu.

“Min qiegħed fuq il-Paga Minima, se jara impatt dirett, iżda ċerti li anke ħaddiema oħra se jgawdu minn miżura bħal din għax meta int tgħolli ta’ isfel kulħadd jibda jieħu imbottatura ‘l fuq. L-2023 reġgħet rat l-ekonomija Maltija tkun waħda mill-iktar reżiljenti u b’saħħithom fl-Unjoni Ewropea u t-tbassir għas-sena li ġejja huwa tajjeb ukoll. Sodisfatt li taħt id-direzzjoni tal-Prim Ministru wasalna għal dan il-ftehim biex mit-tkabbir ekonomiku jkomplu jgawdu iktar il-ħaddiema wkoll,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul li fisser kif huma miżuri ta’ dan it-tip li jwasslu biex inħarsu lejn sena ġdida b’iktar ottimiżmu.

Sinjifikanti li dan il-ftehim kien bejn l-imsieħba soċjali kollha wara li aktar kmieni din is-sena, il-Gvern ħatar il-Low Wage Commission, li ġabet flimkien l-imsieħba soċjali flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern biex jaħdmu fuq ftehim li jwassal għal din iż-żieda. Iż-żieda kienet ukoll wegħda tal-Gvern fil-manifest elettorali, bil-Prim Ministru jagħmilha ċara li din iż-żieda kellha tkun implimentata f’din l-ewwel partit tal-leġiżlatura.

Il-ftehim milħuq ifisser li l-Paga Minima Nazzjonali se tkun qiegħda tiżdied gradwalment kull sena għall-erba’ snin li ġejjin. Dan apparti ż-żidiet li ta’ kull sena jingħataw bil-COLA.

B’din iż-żieda tfisser li dawk li sal-lum għandhom paga minima ta’ €192.73 fil-ġimgħa, minn għada l-ewwel Jannar se jaraw li l-paga tagħhom tkun qiegħda tiżdied għal €213.54 fil-ġimgħa, inkluż il-COLA. Għall-erba’ snin li ġejjin kull sena, il-paga minima tibqa’ tiżdied bil-ftehim milħuq u bil-COLA magħha.

“Filwaqt li ngħinu bil-kbir l-investiment, li għadu ġej u se jibqa’ ġej, għalina l-ħaddiem irid ikun ukoll fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u din hija waħda minn sensiela ta’ inizjattivi li ħadna biex insaħħu l-qagħda tal-ħaddiem. Magħha, fil-ġimgħat li ġejjin, jidħlu għadd ta’ żidiet u inċentivi mħabbra fil-budget, għall-ħaddiema u anke għall-pensjonanti,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul li fisser kif id-deċiżjonijiet b’saħħithom tal-Gvern iwasslu biex il-pajjiż jibqa’ jgħin lill-familji, lill-pensjonanti u lin-negozji.

Ekonomija

Sport