Friday, May 3, 2024

SENA ĠDIDA SFIDI ĠODDA… FLIMKIEN MA’ OĦRAJN LI BAQGĦU IKARKRU

Aqra wkoll

Is-sena 2023 kienet sena ikkaratterizzata minn inflazzjoni qawwija fuq livell globali kkawżata prinċipalment mill-Gwerra fl-Ukrajna. L-instabbiltà ġeopolitika, ekonomika flimkien ma’ kriżijiet oħra komplew ikarkru tant li issa deħlin magħna fl-2024. L-inflazzjoni kkawżat l-għoli tal-ħajja b’konsegwenza fuq il-but ta’ kulħadd, b’pajjiżi barranin jispiċċaw f’riċessjoni b’irjus jisħnu u joħorġu fi protesti kbar fosthom fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Franza.

F’Malta s-sitwazzjoni ekonomika ntlaqtgħet ukoll b’żieda fil-prezzijiet b’dak l-aktar riċenti tal-ħalib, prodott essenzjali li reġa’ tela’ bi 15-il ċenteżmu kull litru. Dawn iż-żidiet, il-poplu qiegħed iħosshom. Imma, grazzi għas-sostenn prinċipali tal-enerġija mill-Gvern u l-baġit soċjali 2024, dawn il-piżijiet se jibqgħu minimizzati. Iva, l-inflazzjoni missitna wkoll, imma l-Gvern Malti ħa fuq spaltu piżijiet kruċjali bil-għan li jtaffi dan l-impatt negattiv minn fuqna. Fl-istess ħin qiegħed jipprova jżomm l-ekonomija lokali stabbli kemm jista’ jkun. Kieku s-sitwazzjoni għalina kienet tkun ħafna agħar. Mill-previżjonijiet u hekk nittamaw, l-ekonomija tagħna għas-sena 2024 mistennija tibqa’ stabbli.

Fost l-isfidi għall-2024 m’hemmx dawk tal-gwerer u l-inflazzjoni biss imma hemm ukoll bdil politiku importanti u kruċjali. Lokalment se jkollna President ta’ Malta ġdid hekk kif l-Eċċellenza Tiegħu, George Vella, jagħlaq it-terminu f’Marzu li ġej. Ikollna President ġdid fl-2024 jekk dejjem ikun hemm qbil fil-Kamra. Biża’ li mhiex ġejja mill-arja hekk kif diġà kellna sitwazzjonijiet fejn kien hemm nuqqas ta’ qbil fil-Parlament. Dan ikkawża dewmien bla bżonn f’ħatriet importanti għall-pajjiż. Nemmnu li għall-ġid tal-pajjiż, dan m’għandux ikun.

Aktar lil hin minn pajjiżna, kollox jidher li jħoll u jorbot ma’ meta u jekk hiex se tieqaf il-Gwerra fl-Ukrajna. Element ieħor li se jkun kruċjali għas-sena 2024 huwa dak ta’ min se jkun fit-tmun tat-tmexxija kemm dak li jolqot lilna direttament fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet li se jsir f’Ġunju li ġej, kif ukoll f’pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti.
L-Ewropa, taħt tmexxija ġdida, min-naħa tagħha għandha tara li tevita li kriżi ġġib oħra u li jittieħdu deċiżjonijiet tajbin fl-ambiti soċjali li jinkludu dawk edukattivi, l-impjiegi, kif ukoll li jittieħdu deċiżjonijiet politiċi favur l-ambjent, id-drittijiet umani u ugwali, flimkien ma’ fost l-oħrajn deċiżjonijiet għaqlija dwar id-dejn, il-fondi, is-swieq, il-konsum u l-proċeduri fiskali. Imma, aktar importanti minnhekk, l-Ewropa għandha tara li tieħu deċiżjonijiet responsabbli favur il-paċi.

Nemmnu li l-forniment tal-armi jitfa’ l-porvli fuq in-nar aktar milli jippromwovi l-paċi. U fejn jidħlu l-armamenti, fl-2024 hemm ukoll l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Istati Uniti, superpotenza li kemm ilha li bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, tat is-sostenn tagħha lill-Ukreni. Hawn jista’ jkun il-każ li jkun hemm bidla fit-tmexxija Amerikana u għaldaqstant bidla fid-direzzjoni u strateġija politika, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-Gwerra fl-Ukrajna.

Iżda, l-isfidi għall-2024 ma jieqfux hawn. Fuq livell globali għandna fuq rasna theddid mill-bidla fil-klima, biża’ mit-teknoloġija ferm avvanzata tal-AI, tnaqqis fid-demokraziji, tensjonijiet politiċi fost pajjiżi kbar u superpotenzi, kif ukoll ġlied ieħor li juri theddid serju fuq il-paċi mondjali, l-istess paċi li l-Knisja Kattolika tiċċelebra għada. Sadanittant id-dinja bdiet tesplora aktar bil-qawwi l-ispazju. Fruntiera ġdida, sfidi ġodda.

Hawn naraw kif is-sena 2024 se tkun waħda li tirrikjedi impenn serju, kostanti u tanġibbli. Nemmnu li dan l-impenn għandu jkun fuq livell nazzjonali iżda aktar minnhekk, fuq livell globali. Filwaqt li nemmnu li l-ewwel fuq l-aġenda għandha tkun il-paċi għax, fl-aħħar mill-aħħar din hija s-soluzzjoni ta’ kollox, nittamaw li bl-istess sens ta’ kollaborazzjoni, nuru impenn, responsabbiltà u finalment maturità politika biex inqajmu l-ekonomiji u jkollna ġustizzja soċjali. B’dan il-mod, fl-2024 nidħu f’era ta’ prosperità b’teknoloġija sigura f’dinja aħjar għal kulħadd.

Sport