Wednesday, July 24, 2024

“Minn ħaddiem bieżel u attiv spiċċajt eremit”… muġugħ, diżabbli, ma jistax jaħdem, b’dipressjoni u anke martu telqitu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħaddiem u missier. Imur il-Libja jaħdem għall-familja. Kien jagħmel ukoll sigħat twal ta’ sahra. Inċident fuq il-post tax-xogħol bidillu ħajtu ta’ fuq. “L-inċident ħallieħ muġugħ ħafna Parzjalment diżabbli. Fiżikament inkapaċi biex jaħdem. Spiċċa fuq il-benefiċċji soċjali. Beda jsoffri mid-dipressjoni li kompliet tiggrava biż-żmien. L-uġigħ fiżiku, id-dipressjoni u t-telf ta’ mpjieg ħolqu stress fir-relazzjoni matrimonjali tiegħu fejn wasslu għal separazzjoni bejn il-ħaddiem u martu. Ħassu tilef kollox u kompla ħassu dejjem aktar iddisprat u waħdu waqt li komplew iggravaw is-sintomi. L-uġigħ ma’ rkupra qatt minnu. Il-pazjent għamel bosta operazzjonijiet fi rkopptu biex jipprova jfieq mill-uġigż iżda id-diżabilità fiżika u l-uġiegħ baqgħu konsistenti.”

Iffirma mal-Corinthia għal xogħol fil-Libja… ’kont naċċetta li naħdem dawn is-sigħat żejda biex ikolli introjtu aħjar għall-familja”

Mario Pace kien iffirma kuntratt ta’ xogħol mal-Corinthia Palace Hotel Company Limited fis-7 ta’ Jannar tas-sena 2001 fuq proġett ta’ kostruzzjoni il-Libja. Waqt li kien fuq il-lant tax-xogħol, waqa’ it-taraġ u korra u b’hekk intavola din il-kawża għall-kumpens ta’ danni konsistenti fi spejjeż u trattament mediku u kumpens ghad-diżabbiltà permanenti li qed isofri kaġun tal-inċident.

Mario Pace kien xehed li dak iż-żmien kellu 42 sena. Jgħid li huwa kien tħarreġ fi skola ta’ snajja u għamel xogħol fil-bini. Kien jaħdem ma’ Polidano Brothers u konsegwentement ma’ Attard Brothers bl-iskop ikun li finalment jekk isibu li kien jagħmel xogħolu sew imur jaħdem il-Libja. Jixhed li ma’ Attard Brothers huwa tħarreġ fuq ix-xogħol li għandu x’jaqsam mal-konkos, shuttering u scaffoldings.

Spjega li imbagħad iffirma kuntratt ma’ Corinthia Palace Hotel Company Limited fil-preżenza ta’ ċertu Dennis Baldacchino, Personnel Manager ta’ Attard Brothers fejn dan tal-aħħar kien assigurah li kull ħin tiegħu fuq l-ajruplan u fil-Libja huwa kien ser ikun assigurat.

Dwar il-paga hu xehed hekk: “kont bdejt b’paga ta’ Lm230 fil-ġimgħa pero wara ċerti ġimgħat il-paga kienet żiedet skond il-ftehim għal Lm250 fil-ġimgħa. Din bħala paga bażika mingħajr ‘over-time’. Għalhekk il-ġimgħa tax-xogħol kienet ta’ 84 siegħa, apparti li kont nagħmel bosta sigħat ta’ ‘over-time’. L-over-time’ kont nagħmlu għax kienu jitolbuni u jiena kont naċċetta li naħdem dawn is-sigħat żejda biex ikolli introjtu aħjar għall-familja, però qatt ma kont nitolbu jien. Kienu jitolbuni biex naghmel l-‘over-time’ u bosta drabi kont naċċetta.’

Kompla jgħid li “l-ħames ġimgħat xogħol li kien jagħmel fil-Libja kienu bix-xift, ġimgħa jaħdmu bi nhar u ġimgħa jaħdmu bil-lejl mill-5p.m. sal-5a.m. Ix-xogħol li kont nagħmel kien jikkonsisti f’xogħol ta’ armar ta’ shutters u scaffolding u x-xogħol kollu li għandu x’jaqsam mal-għoti tal-konkos. Kont narma t-turġien u narma wkoll is-soqfa li kienu jinħarġu f’galleriji. Fil-fatt meta kien ikun hemm dax-xogħol tal-galleriji waqt ix-shift tiegħi, il-foreman kien iqabbad lili biex nagħmel dax-xogħol.

Dan kien xogħol perikoluż ħafna speċjalment biex tarma l-iscaffolding għax trid tarmah mill-art għal ġol-arja u ‘lbarra. Għall-ewwel li bdejt naħdem fuq dan il-lant ma kellniex ‘safety harness’ u dawn kienu tawhomna biss ftit qabel l-inċident li kelli. Imbagħad meta tarma l-pastaż jiġifieri t-travu ta’ quddiem li jintramaw is-seratizzi l-oħra fuqu, tibda tarma s-seratizzi l-oħra fuqu traversalment u imbagħad kien jintrema’ l-plywood fuq kollox. Imbagħad kien jintrama’ x-xogħol tal-ħadid u fl-aħħar kien jingħata l-konkos. Jiena stess ħafna drabi kont nagħti l-konkos għax fil-biċċa l-kbira tal-każi dan kien jingħata minn min kien jarma l-galleriji u s-soqfa.”

Mario Pace jixhed li “meta kont inkun qed naħdem fuq il-lant, jiena kont inkun għal rasi u mhux mal-ħaddiema l-Maltin l-oħra ħlief meta kont nagħti l-konkos għax f’dawk l-okkażjonijiet konna nkunu tnejn. Mill-bqija biex jgħinuni kien ikolli miegħi ħaddiema barranin li fil-maġġor parti tagħhom kienu Indjani u Pakistani u rġiel mill-Bangladesh.

Fil-magġoranza tagħhom dawn ma kinux ħaddiema tas-sengħa u filwaqt li kont issib lil min irid jaħdem kont issib ukoll min kien ifixkel lil ħaddieħor, ifixkel ix-xogħol u saħansitra jagħmel il-vendikazzjonijiet. Dawn kienu ħaddiema li kienu jitħallsu madwar €200 fix-xahar u dan skond ma kien jgħiduli huma. Filfatt meta kont inqabbadhom jagħmlu xi ħaġa uħud minnhom kienu jweġbuni li jien kont nitħallas iktar minnhom u li jekk irrid nagħmel ix-xogħol jien.”

“Bil-lejl konna naħdmu bid-dawl tas-‘search lights’ li kien ikun hemm fuq il-crane…imma dan ma kienx ikun dawl biżżejjed”

Mario Pace jixhed li “kien ikun hemm diversi inċidenti fuq il- post tax-xogħol, kemm waqt ix-‘shift’ ta’ bi nhar u speċjalment waqt ix-‘shift’ ta’ bil-lejl. Bil-lejl konna naħdmu bid-dawl tas-‘search lights’ li kien ikun hemm fuq il-crane però jien ngħid li dan ma kienx ikun dawl biżżejjed u dan kien ikompli jżid il-periklu li kien jeżisti minnu nnifsu fuq xogħlijiet bħal dawn.”

Dwar l-inċident jispjega li “jiena kont qed naħdem waqt ix-shift ta’ bil-lejl. L-inċident kien seħħ matul il-lejl ftit qabel is-sebħ. Il-ħin preċiż ma niftakrux però kienu qaluli li kienu madwar l-4 ta’ filgħodu. Jiena kont qed naħdem bejn l-ewwel u t-tieni sular u kont qiegħed narma saqaf kbir. Kelli xi ħaddiema barranin miegħi u kien hemm ukoll il-foreman viċin tiegħi. Peress li kont qed naħdem fuq livell ta’ bejn l-ewwel u t-tieni sular, il-‘crane’ ma jagħtikx u ma jnewwillekx affarijiet relattivament.

Filfatt biex jaqdik irid ikun vojt jiġifieri bla xogħol għax l-ewwel li jaqdi naturalment huma ‘l dawk li jkunu qegħdin jaħdmu aktar fil-għoli. Għalhekk l-affarijiet li kelli bżonn, bħal mhuma seratizzi, riedu jinġiebu bl-idejn. Id-dawl li kien hemm kien baxx ħafna peress li kien search light fuq il-‘crane’ u l-‘crane’ kien imbiegħed minn fejn kont qed naħdem jien. Għalhekk id-dawl kien batut ħafna. Jiena kont qabbadt xi ħaddiema Pakistani biex iġibuli seratizz mit-twal ta’ bejn 5 u 6 metri, għalkemm ma niftakarx il-qies preċiż.

Kelli bżonnu għas-saqaf li kont qed narma. Sadanittant sakemm kont bgħatthom iġibuli das-seratizz jien kont bqajt għadddej b’xi xogħol ieħor u mbagħad madwar xi siegħa wara kienu ġabuli seratizz qasir u mhux tat-tul illi kelli bżonnu jien kif kont għedtilhom.”

Ikompli li “meta għedtilhom li ma kienx tajjeb huma qaluli li ma setgħux isibu serattizz itwal kif ridtu jien. Però jiena kont naf li kien hemm serattizzi tad-daqs li kelli bżonn għax-xogħol u erġajt bgħatthom u indikajtilhom fejn setgħu isibu dan is-seratizz peress li kont rajtu hemm xi ftit qabel. Dan għax meta kont inkun sejjer fuq il-lant kelli d-drawwa li nosserva l-affarijiet biex jekk niġi bżonn xi ħaġa minnhom kont inkun naf fejn għandi nsib dak li kelli bżonn mingħajr problemi.

Madwar kwarta jew nofs siegħa wara li bgħatthom kienu reġgħu ġew u qaluli li ma kinux sabuh u jien urejthom minn fejn setgħu jsibu dan serattizz bħal dak li kelli bżonn. Telqu u reġgħu ġew lura u qaluli li ma kinux rawh u għalhekk ma kellix triq oħra ħlief li mmur għalih jien biex ikun jista’ jitkompla x-xogħol. Sadanittant kont qabbadthom jagħmlu xi xogħol ħafif ieħor fosthom li jiġbru xi injam u affarijiet oħra li kien hemm fuq is-sit. Jiena mort fil-post fejn kont indikajt lill-ħaddiema Pakistani li kien hemm dawn is-seratizzi u filfatt mill-ewwel sibt wieħed tad-daqs li kelli bżonn. Kien seratizz ta’ bejn ħames jew sitt metri u jien erfajtu biex nieħdu fejn kont qed narma s-saqaf.”

“Saqajja nfetħu tista’ tgħid 180 grad”

Jenfasizza li “waqt li kont tiela t-taraġ, x’ħin kważi wasalt fl-aħħar tarġa u kont se naqbad il-pjan tas-sular fejn kont qed naħdem, is-seratizz ħabat mal-ħajt u tefagħni lura. Hekk kif is-seratizz ħabat mal-ħajt, tlift il-bilanċ, saqajja l-leminija żelqet lura minn mat-tarġa u jien ippruvajt insib it-tarġa ta’ taħtha però ma rnexxielix minħabba l-impatt tad-daqqa tas-seratizz twil mal-ħajt.

Sadanittant l-għarqub ta’ saqajja x-xellugija weħel mat-taraġ u x’ħin waqajt saqajja nfetħu ħafna b’saqajja x-xellugija ma’ tarġa u saqajja l-leminija diversi tarġiet lura. Saqajja nfetħu tista’ tgħid 180 grad. Is-seratizz kien ibbilanċjat minn nofsu fuq spallti l-leminija u x’ħin waqajt is-seratizz baqa’ fuq spallti u kien x’ħin intmeddejt fuq il-ġenb tan-naħa tal-lemin mal-waqgħa illi s-seratizz waqa’ minn fuq spallti. Dan kollu ġara f’temp ta’ ftit sekondi.

Kif ġara l-inċident u saqajja nfetħu beraħ ħassejt weġgħa kbira qisu ħabel qed jistira minn ġol-iskutella ta’ rasi sal-qiegh ta’ saqajja tax-xellug. Ħassejt ukoll uġiegħ kbir ġo ġembi, ġo dahri u f’irkobbti tax-xellug li faqqgħet. Ħbatt ukoll għonqi mal-waqgħa. Kif waqgħajt tgergibt it-taraġ u waqajt għal fuq is-seratizz u lqattu bil-parti privata tiegħi fejn ħassejt uġigħ kbir.”

“Wara ħin twil li għamilt għarwien fil-kuridur nistenna fuq stretcher”….qalulili kellu jmur fi sptar ieħor

Ikompli jgħid li “ippruvajt nitkaxkar mal-art però l-uġigħ tant kien kbir li ma stajtx nissaportih u ħassejtni qed nistordi u naqta’ nifsi. Għalhekk kelli nieqaf u mbagħad erġajt tkaxkart għal xi ftit metri u ntlift minn sensija. Kienu ġew jagħtuni l-ajjut u imbagħad kienu ħaduni l-Isptar ta’ Tripoli bl-ambulanza.

X’ħin wasalna l-isptar it-tabib wara ħin twil li għamilt għarwien fil-kuridur nistenna fuq stretcher qal li kellhom bżonn joħduli X-Ray però biex isir dan kellhom joħduni fi sptar ieħor peress li ma kellhomx X-Ray machine. Sadanittant ħassejtni li qed immut bl-uġiegħ u beda jagħtini ħass ħażin wieħed f’wieħed.”

‘Tawni xi pilloli…u x’ħin stenbaħt sibt ruħi fil-kamra tiegħi fejn kont noqgħod ma’ ħaddiema Maltin”

Enfasizza li “kelli nefħa kbira f’ġembi qisu ‘bezzun’ u nefħa ġo rkobbti x-xellugija. Meta morna l-isptar l-ieħor għall-X-Ray reġgħu ħallewni ħin twil nistenna. Sadanittant kelli miegħi l-infermier tax-xogħol li kien barrani, jidhirli Filippin. Fl-aħħar kienu għamluli dan l-X-Ray u l-parti fejn kont muġugħ kien qisu kollu daħna waħda.

Illum naf li dak kien b’riżultat ta’ emoraġija interna kif kienu qaluli xi tobba f’Malta. It-tabib li ra l-X- Ray hemmhekk qalli li ma kelli xejn gravi u rrakkomanda li nagħmel erbat ijiem mistrieħ u nkun nista’ nirritorna lura għax-xogħol. L-infermier ma kienx qabel mieghu u qalli li l-kosegwenzi li kelli kienu serji u li kien tal-parir li nirritorna lura Malta mill-iktar fis possibbli.”

Iżid jgħid li “t-tabib li ħadli l-X Ray kien tani wkoll xi pilloli bħala ‘pain killers’ u mbagħad naf li wara li kont ħadthom kont intlift minn sensija. Li niftakar kien li x’ħin stenbaħt sibt ruħi fil-kamra tiegħi jiġifieri fil-kamra fejn kont noqgħod ma’ ħaddiema Maltin oħra fi Tripli. Kont inqum u norqod u ngħajjat bl-uġiegħ u għadni sal-lum minix kapaċi norqod lejl sħiħ.

Kien kellimni l-perit u qalli li dalwaqt kellu jitla’ lura Malta grupp ta’ ħaddiema u staqsieni jekk ridtx li ninżel magħhom u fil-fatt hekk kien sar. Meta wasalt l-Isptar San Luqa poġġewni fuq stretcher u ħaduni d-Dipartiment tal-Emerġenza fejn kien eżaminani tabib li qalli kont miftuq u ħaduli X-Ray ta’ ġembi. F’dak il-mument kien qalli li ma kellix ksur u għalhekk kellhom jarawni wara. Ma kinux żammewni l-Isptar u tawni appuntament għall-ġimgħa wara biex jagħmluli operazzioni tal-ftuq.’

Ikompli jgħid li l-operazzjoni tal-ftuq saret privat. Jisħaq li qam mill- operazzjoni muġugħ ħafna tant li spiċċa bis-siġġu tar-roti. Ġie riferut għal speċjalista tal-ortopedija u kien sab li kellu diversi problemi fiżiċi u beda wkoll jattendi l-fiżjoterapija. Il-fiżjoterapija iżda ma tatx riżultat u ġie riferut il-‘pain clinic fejn tawh ħafna mediċina. Baqa’ jirċievi l-paga għal madwar sena u nofs.

Jgħid li “kien ċempilli Dennis Baldacchino biex jistaqsini kif jien u qalli li xtaq jarani u jkellimni. Kien wassluni l-fabbrika ta’ Attard Brothers f”Ta’ Qali u hemmhekk iltqajt kemm ma’ Baldacchino u kif ukoll maċ-Ċermen Michael Attard li kif rani fl-istat li kont kien tħassarni mhux ftit u qalli biex nagħmel kull ma jkun hemm bżonn biex nerġa’ nieħu saħħti u biex ma noqgħodx inħabbel rasi għall-ispejjeż. Is-Sur Attard qalli biex inżomm l-irċevuti kollha tal-ispejjeż li kont qed nagħmel u biex nibqa’ f’kuntatt ma’ tal-Corinthia.’

“Kellu appuntament l-isptar u l-fajl ma instabx… jgħid li qatt ma ta l-awtorizzazzjoni sabiex xi ħadd jara l-file tiegħu’

Jixhed li “f’Marzu tas-sena 2004 hu kellu appuntament l-isptar iżda l-file tiegħu ma kienx instab u kien iffirma xi ħadd Agius għalih. Ftit jiem wara kien instab u mar għall-appuntament. Fl-istess żmien ġew preżentati l-ittri uffiċċjali kontra l-kumpaniji konvenuti.”

Jgħid li waqt id-diskussjonijiet kienu qalulu li hu kellu problemi fiżiċi qabel l-inċident u qatt ma qalilhom. Isostni li huwa qatt ma kien ta l-awtorizzazzjoni sabiex xi ħadd jara l-file tiegħu. Jgħid li fejn qabel kien raġel attiv fiżikament u bieżel mill-inċident qed jgħix ħajja ta’ eremita u bilfors irid jimxi bil-krozzi.”

Mario Pace ikompli jgħid li iħoss l-uġiegħ jieklu minn ġewwa u d-dieta tiegħu saret biss pirmli tant li m’għadhomx jaħdmu fuqu. Ma jistax igawdi t-tifel tiegħu li fiż-żmien tal-affidavit kellu tnax-il sena u l-mara jkollha tgħinu sabiex jinħasel. Spiċċa wkoll irrikorra għall-kura psikjatrika u ngħata pilloli għad-dipressjoni. Huwa spicca jgħix fuq il-benefiċċji soċjali u l-mara kellha toħroġ tagħmel xogħol part-time. Lanqas fid-dar fejn qabel kien jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni hu issa ma jista’ jagħmel xejn u jkollhom iqabbdu n-nies.

“Qalulu li se jtuh Lm1,700 kumpens u kien aħjar li jeħodhom għax dawk żgur”

Itenni li “kien ċempilli s-Sur Bajada u qalli li kienu qed jipprovaw jilħqu ftehim ma’ tal-insurance. Xi ftit taż-żmien wara kien ċempilli Joe Fenech fuq il-mobile tiegħi u kien qalli li kienu lesti li jħallsu s-somma ta’ Lm1,700. Kien qalli li kien jaqbilli naċċetta din is-somma għax dawk kienu żgur u b’hekk konna nagħlqu l-każ.

Jiena ma tajtux risposta. Sadanittant kont erġajt ċempilt lis-Sur Stephen Bajada li qalli li kienu neħħewh minn fuq il-każ u l-każ ma kienx għadu iżjed f’idejh u kienu ħadu f’idejh Joe Fenech.’

Hu Mario xehed li “ngħid li l-inċident kellu konsegwenzi kbar ħafna fuq hija Mario għax illum huwa kompletament dipendenti fuq ħaddieħor u mhu kapaċi jagħmel xejn waħdu.

Qabel, apparti x-xogħol tiegħu, kien anke jagħmel ix-xogħol li kien ikun hemm bżonn fid-dar u anke xogħol fuq il-karozzi peress li għandu anke s-sengħa ta’ mekkanik. Kull meta niltaqa’ ma’ hija hu għadu sal-lum dejjem jokrob bl-uġigħ u jinsab batut ħafna kemm fiżikament u jħossu qalbu maqtugħa peress li baqa’ ma kienx hemm fejqan għalih.’

Stephen Bajada xehed li għall-bidu Mario kien jitkellem magħhom fuq ‘hernia’ biss iżda mhux fuq tort. Wara żmien il-kumpanija assiguratriċi bdiet issotni li ’hernia’ mhiex koperta mill-polza. Jgħid li Mario Pace ma ħax pjaċir b’dan u wara li beda jgħaddi ż-żmien beda jilmenta li kellu problema b’irkubbtejh u wara li għaddew xhur dahru u wara li għadda żmien għonqu għalkemm mhux neċessarjament f’dak l-ordni. Wara li għaddew tlieta, erba’ snin, Mario beda jsemmi diżabilità permanenti. Kien għalhekk li finalment intalab jipprovdi ċertifikat mediku dwar l-allegata diżabilità.”

Is-sitwazzjoni li spiċċa fiha dan il-ħaddiem kienet li jrid iserraħ biex iqum minn bil-qiegħda, ma’ jistax jinzel kokka, ibati biex jitla’ u jinżel it-taraġ anke meta jiġi għat-telgħa. Ma’ jistax jimxi fit-tul u juża żewġ krozzi. Jitlef il-bilanċ għax teħel is-sieq tax-xellug u ma’ jistax jiddritta l-irkoppa. Uġigħ fl-irkoppa tal-lemin u fil-parti tax-xellug ta’ l-ispina lumbari. Ma’ jistax idawwar għonqu u muġugħ. Tnemmil fil-pxiexen. Qabditu depressjoni wara l-inċident. Uġigħ fl-irkoppa tax-xellug li ċċedi u b’hekk weġġa’ l-irkoppa tal-lemin. Kien isuq karozza awtomatika, iżda issa lanqas dik ma’ jista’ jsuq. Jgħix mat-tifel għax il-mara telqitu. Bil-kemm joħroġ mid-dar.


Il-Qorti qalet li waqt li intrapriżi “jippruvaw jagħtu x’jifhmu li fuq il-post tax-xogħol kien hemm sistema ta’ saħħa u sigurtà perfetta mill-fatti kif esposti jirriżulta li kien hemm numru ta’ nuqqasijiet li wasslu sabiex finalment seħħ l-inċident in kwistjoni. Ibda biex jingħad li l-ħaddiema kienu qed jidħlu jaħdmu bil-lejl.

Dan ifisser li l-post kellu jkun adgewatament imdawwal mhux biss fuq barra iżda wkoll fuq ġewwa partikolarment fejn kien hemm turġien. Mill-provi Pace isostni li għal kull indana taraġ kien ikun hemm bozza waħda biss. Ix-xhieda mressqa mill-kumpaniji ma kienux jafu jirrispondu kemm kien hemm dawl fuq ġewwa fl-indani tat-taraġ tant li żammew lura milli jsostnu li kien hemm bozza f’kull sular kif prova jsostni l-Avukat tagħhom.

Ix-xhieda tar-rappreżentanti tal-kumpaniji sostnew wkoll li l-ħaddiema kellhom għad dispożizzjoni tagħhom dawl kemm iridu sabiex idawwlu l-post fejn qed jaħdmu. Il-Qorti tqis li l-kumpaniji naqsu fir-rigward tad-dawl fis-sens li ma provdewx dawl adegwat fl-indana tat-taraġ minn fejn kien tiela Pace filwaqt li kien l-obbligu tagħhom li jipprovdu dan. Dan in-nuqqas ikkontribwixxa għall-inċident. Irriżulta wkoll mill-provi li Pace kellu miegħu żewġ ħaddiema barranin li l-probabbiltà kbira kienet li ma kienux jafu jikkomunikaw lanqas bl-Ingliż.

Tant hu hekk li Pace spjegalhom u bagħthom mill-anqas darbtejn sabiex isibu s-seratizz li kellu bżonn sabiex ikompli jaħdem u dawn da parti tagħhom irritornaw darbtejn mingħajru jgħidu li ma sabuhx. Evidentement ma kienux qed jifhmu l-istruzzjonijiet li kienu qed jingħataw bil-lingwa Ingliża minn Pace.

Din il-Qorti tifhem il-frustrazzjoni ta’ Pace li kellu jitlaq kollox minn idejh u jinżel hu, meta suppost kellu l-lavranti sabiex jagħmlu dan u fil-fatt dan sab is-serratizz li kellu bżonn immedjatament li niżel. Jirriżulta onkontestat li x’ħin Pace kien tiela b’dan is-seratizz waħdu fit-taraġ dan ħabatlu mal-ħajt u waqqa’ lil Pace lura. Din il-Qorti temmen li kieku kien hemm aktar dawl fl-ambjent in kwistjoni u wkoll kieku Pace ma nġabx f’sitwazzjoni ta’ frustrazzjoni fejn spiċċa jagħmel ix-xogħol hu minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, l-inċident in kwistjoni ma kienx iseħħ.”

“Fjakkezza mill-kumpaniji kif dawn l-inċidenti kienu jiġu trattati”

Il-Qorti qalet li l-kumpaniji “jippruvaw jagħtu x’jifhem li mal-inċident Pace ingħata għajnuna immedjata ta’ prima kwalità. Imma fl-atti ftit li xejn tressqu provi dwar l-adekwatezza ta’ din l-għajnuna anki għax il-kumpaniji in kwistjoni ftit li xejn żammew dokumentazzjoni dwar dak li seħħ anzi l-Qorti, mill-provi fl-atti jew nuqqas tagħhom f’dan ir- rigward, tqis li pjuttost li rriżultat ċerta fjakezza da parti tal-kumpaniji fil-mod kif dawn l-inċidenti kienu jiġu trattati tant li saħansitra l-kumpanija f’Malta saret taf b’dan l-inċident xahar wara li seħħ u x-xhud Stephen Bajada li jixhed li kien il-persuna li jieħu ħsieb dawn il-każijiet f’Malta xehed saħansitra li huwa kellem lill-Pace ħdax-il xahar wara li seħħ l-incident.

Il-Qorti hija aktar propensa li temmen il-verżjoni ta’ Pace li dan verament ittieħed f’xi sptar iżda ngħata kura mhux daqshekk adekwata u ttieħed lura f’kamartu u tħalla hemm għal riħu sakemm ntbagħat lura f’Malta fejn finalment beda jiġi kkurat.

Il-Qorti iddeċidiet li jingħata kumpens ta’ €120,000.

Ekonomija

Sport