Minn post abbandunat għal tama ġdida lil adoloxxenti vulnerabbli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-proġett tas-secure facility għal tfal u żgħażagħ taħt it-18-il sena li għaddejjin minn realtajiet u mumenti ta’ sfidi kbar, li jeħtieġ li jingħataw kenn, il-Membru Parlamentari Laburista Mariah Meli kkonfermat li dan il-proġett mistenni jsir fil-Batterija tal-Ferħa fil-Għargħur. Dan il-post minn qagħda t’abbandun, li qabel fiż-żmien kien jintuża wkoll bħala sptar għal-lebrużi, se jinbidel f’post li joffri ambjent sigur u appoġġ lill-adoloxxenti vulnerabbli. 

Bħala persuna mill-Għargħur, u anke bħala Membru Parlamentari, Meli qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett viżjonarju kif imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela. Qalet li dan huwa investiment b’valur doppju billi bħala Gvern, se jkunu qed jagħtu lura l-ħajja lil dan il-post importanti għall-Għargħur, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna. 

Intant, meta rrefera għal dan il-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett jgħaqqad ħafna mat-twemmin tal-Gvern Laburista li jindirizza r-realtajiet ta’ tfal li għaddejjin minn mumenti ta’ sfidi kbar. Dr Abela enfasizza li dawn mhux kundanni għandhom bżonn imma jistħoqqilhom min jgħinhom.

“Identifikajna sit fil-Għargħur biex jiġi konvertit f’din il-faċilità ewlenija, li se jkun qed jibda x-xogħol fuqha, li nagħtu lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ mhux it-tieni, imma jekk hemm bżonn it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ċans fil-ħajja biex nintegrawhom fis-soċjetà tagħna u jkunu jistgħu jgħixu ħajja bħal kull ħaddieħor.

“Jiġifieri mhux minn fejn tlaqt fil-ħajja imma illi l-Istat jgħinek minkejja minn fejn tlaqt inti. Din il-faċilità se tkun qed tilqa’ liż-żgħażagħ ġewwa fiha mbagħad tagħtihom l-għajnuna ħolistika bl-esperjenzi professjonisti kollha biex jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid,” qal il-Prim Ministru. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport