Saturday, December 21, 2024

Minn tal-inqas 95 persuna jmutu f’għargħar fi Spanja

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 95 persuna tilfu ħajjithom wara li xita torrenzjali kkawżat għargħar fix-Xlokk ta’ Spanja.
Fis-sigħat li għaddew, dan il-pajjiż intlaqat minn xita qawwija u maltempati bis-silġ, li wasslu għal għargħar f’diversi reġjuni.

Il-ħidma ta’ tiftix u salvataġġ kienet għadha għaddejja u l-President tar-reġjun ta’ Valencia, Carlós Mazón, qal li kien “impossibbli” li jgħid bl-eżatt kemm kien hemm imwiet f’dan l-istadju.

Filmati mtella’ fuq il-midja soċjali wrew kif minħabba f’dan l-għargħar inħoloq kaos sħiħ, ċedew xi pontijiet u tkaxkru diversi karozzi fit-toroq.

Qed ikun irrapportat li diversi stazzjonijiet tat-televizjoni u tar-radju fil-pajjiż kienu rċevew mijiet ta’ sejħiet għall-għajnuna minn nies maqbuda f’żoni mgħarrqa jew li kienu qed ifittxu lil qrabathom, hekk kif is-servizzi ta’ emerġenza qegħdin jitħabtu biex jilħqu xi żoni.

“Il-ħaddiema tas-servizzi ta’ emerġenza qegħdin jużaw ukoll drones biex ifittxu persuni nieqsa fil-muniċipalità ta’ Letur,” qalet l-uffiċjal lokali Milagros Tolon mal-istazzjon tat-televiżjoni pubbliku Spanjol TVE. “Il-prijorità hi li nsibu dawn in-nies.”

Il-midja lokali rrapportat li għexieren ta’ nies f’Valencia qattgħu lejl sħiħ jew fi trakkijiet inkella fil-karozza, kif ukoll fuq il-bjut jew pontijiet, jistennew li jiġu salvati.

L-aġenzija tat-temp tal-istat ta’ Spanja, AEMET, iddikjarat twissija ħamra fir-reġjun ta’ Valencia u t-tieni l-ogħla livell ta’ twissija f’partijiet tal-Andalusija.

L-għargħar ikkawża tfixkil fit-trasport, b’diversi titjiriet kellhom jiġu devjati lejn bliet oħra jew ġew ikkanċellati. Barra minn hekk, ġew ukoll sospiżi s-servizzi ferrovjarji fir-reġjun ta’ Valencia.

Sadanittant. fil-belt ta’ Valencia, l-iskejjel u l-avvenimenti sportivi kollha kienu sospiżi filwaqt li l-parks baqgħu magħluqa.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, f’post fuq il-pjattaforma X, qal li kien qiegħed isegwi rapporti ta’ persuni li għadhom neqsin “bi tħassib”. Huwa ħeġġeġ lin-nies biex isegwu l-pariri tal-awtoritajiet u żied li n-nies għandhom “jevitaw li jivvjaġġaw bla bżonn.”

Ekonomija

Sport