Sunday, December 22, 2024

Minn tfajla mistħija għal mudella kunfidenti f’ħajja pjuttost impenjattiva

Aqra wkoll

Faith Baldacchino Zarb hi żagħżugħa li għandha għal qalbha l-immudellar u l-ballet. Hi tipparteċipa f’diversi avvenimenti f’dawn iż-żewġ dixxiplini u fuq kollox dejjem tara li tieħu l-lat pożittiv tagħhom fejn aktar milli tirbaħ, tiżviluppa l-karattru tagħha. Dejjem lesta biex titgħallem għax kif tgħid hi, taf kemm taf, qatt m’hu biżżejjed.

Faith bdiet l-immudellar fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 meta kien toqgħod tara diversi xows minn fuq il-kompjuter. Meta r-restrizzjonijiet xi ftit jew wisq kienu tneħħew, hi ddeċidiet li tidħol mal-VIPAJ immexxija minn Janice Busuttil. Għall-bidu ommha Romilda, fil-passat preżentatriċi li niftakruha fuq ONE TV, ma xtaqitx li tħalliha tmur għal dawn is-sessjonijiet minħabba li diġà kienet involuta fil-ballet u s-sessjonijiet tal-pjanu iżda b’xi mod fuq l-insistenza ta’ Faith ikkonvinċietha li kienet se tkun it-triq ‘il quddiem.

Faith għadha studenta u għalhekk tipprova tlaħħaq mal-iskola, l-istudju, l-immudellar u l-ballet. F’dan tal-aħħar hi tinsab fi grad 6 u anke hemm tħossha li għamlet progress kbir. B’organizzazzjoni tajba tal-ħin, Faith jirnexxielha tagħti attenzjoni lil kull ħaġa għalkemm tammetti li dan kollu mhux faċli.

Ommha Romilda tipprova tgħinha mill-aħjar li tista’ sabiex verament tlaħħaq ma’ kollox. Hi tqisha bħala l-gwida tagħha, dik il-persuna li meta jinqala’ xi għawġ dejjem issibha warajha.

Sadanittant f’Awwissu li għadda Faith Baldacchino Zarb ħadet sehem f’festival tal-moda organizzat minn G & A Agency fil-belt ta’ Taormina fi Sqallija. Għaliha kienet esperjenza kbira hekk kif rat aktar mudelli tamparha u anke ikbar minnha u setgħet tinnota kif jieħdu dan is-settur daqshekk bis-serjeta’.

Saqsejna lil Faith dwar x’taħseb dwar ix-xena tal-immudellar f’pajjiżna.

“Nista’ ngħid li għadna ftit lura f’dan is-settur. Hemm bżonn ta’ iktar opportunitajiet fis-settur lokali u fuq kollox li jkun hemm aktar sponsors li jinvestu fih. Hu veru li hawn organizzaturi li jagħmlu avvenimenti b’mod professjonali speċjalment jekk insemmi lil Gaffiero Productions. Iżda minkejja kollox inħoss li neqsin mill-pubbliċita’ u kieku tikber din l-industrija awtomatikament ikun hawn iktar parteċipazzjoni.”

Faith tgħid li l-ballet u l-immudellar jgħin lill-persuna b’mod ħolistiku f’kull sens.

“Jien nemmen ħafna li kemm il-ballet kif ukoll l-immudellar bidluli ħajti ta’ taħt fuq. Fihom rabbejt ħafna kunfidenza fis-sens kollu pożittiv, inħossni aktar kunfidenti f’dak li nagħmel filwaqt li żviluppajt il-karattru tiegħi.”

Kif tgħid l-istess Faith, l-immudellar mhux biss dak li tara fuq barra iżda wkoll kif persuna tkun minn ġewwa, kemm il-karattru jkun sabiħ, kemm lest li tgħin u tkun fuq quddiem sabiex tassisti nies fil-bżonn. Dan hu s-sodisfazzjon li wieħed jieħu minnu fejn irrilevanti mill-unuri li tieħu, dak li ġġorr miegħek hu kemm int tistma lin-nies u tkun kapaċi tirrispettahom. Kif tgħid hi, is-sbuħija mhux kollox.

Faith temmen li hawn ħafna mudelli tajbin f’Malta u hawn potenzjal li jista’ jiġi sfruttat aħjar li kieku hawn iktar opportunitajiet.

Iżda kif tara lilha nnifisha Faith minn hawn u ħames snin oħra?

“Jien narani nistudja fl-Università ta’ Malta fejn nixtieq nieħu kors fil-mediċina. Ommi hi spiżjara u l-mediċina hu kamp li verament affaxxinani. Jidher li ħadt ħafna mingħandha. Fil-fatt jien għażilt il-Bijoloġija, il-Kimika u l-Fiżika u flimkien mal-Ispanjol nittama li nkompli nitjieb fihom.”

“Mill-banda l-oħra, nittama li sa ħames snin oħra nkompli nagħmel dak li verament inħobb iġifieri nimmudella u niżfen il-ballet.”

Hi xtaqet tirringrazzja lil ommha Romilda li dejjem tkun ta’ spalla għaliha, il-familja tagħha li tant ituha sapport, l-istess bħal ħbieb tagħha li dejjem iċemplulha u l-aħħar u mhux l-inqas lil Janice Busuttil li hi ssejħilha l-mentor tagħha. 

Fl-aħħarnett tlabna lil Faith Baldacchino Zarb sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“L-ewwelnett qatt taqta’ qalbek u dejjem fittex li mill-iżbalji li tagħmel titgħallem minnhom. L-opportunitajiet jiġu dejjem jekk taħdem għalihom.”

“Jien rajt bidla kbira fija u grazzi għall-immudellar minn tifla mistħija issa ninsab kunfidenti u dejjem lesta li nitgħallem aktar filwaqt li nżomm saqajja mal-art.”

Nawguraw lil Faith Baldacchino Zarb li għandha aspirazzjoni kbar f’dak kollu li se tagħmel fiż-żfin, fl-immudellar u anke fl-istudji tagħha fil-mediċina.

Ekonomija

Sport