Wednesday, November 13, 2024

Mira li l-gvern inaqqas l-użu tal-karozzi privati sal-2030

Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 għall-konsultazzjoni pubblika

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern illum nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli bil-għan li jkunu stabbiliti l-prijoritajiet u l-għanijiet ta’ pajjiżna għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli sas-sena 2050. 

Din l-istrateġija hija msejsa fuq ħames pilastri prinċipali li huma: tranżizzjoni lejn klima newtrali, ekonomija li ma tniġġisx, ekonomija ħadra u ekonomija blu; il-preservazzjoni sostenibbli tal-iżvilupp urban u l-wirt kulturali; titjib fil-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà tagħna; it-trasformazzjoni diġitali, il-mobilità intelliġenti u l-konnettività kif ukoll ġustizzja soċjali u prosperità għal kulħadd.

Il-Ministru għall-Ambjent, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li dan il-Gvern qed jaħdem biex is-sostenibbiltà tkun parti min-normalità fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. 

Hija qalet li b’din l-istrateġija “qed nimmiraw li noħolqu komunitajiet aktar sostenibbli fejn ir-riżorsi jkunu utilizzati b’mod aktar effiċjenti filwaqt li nkunu f’pożizzjoni li nisfruttaw l-potenzjal tal-innovazzjoni u anke nassiguraw protezzjoni ambjentali, koeżjoni soċjali u prosperità għal kulħadd.”

Il-Ministru Dalli żiedet li l-Gvern jinsab kommess li jkompli jinbni fuq il-ġid soċjali li sar fl-aħħar snin għaliex irridu li kulħadd jgħix ħajja xierqa, b’dinjità u li kulħadd ikun kapaċi jilħaq il-potenzjal tiegħu anke jekk ikollu realtajiet soċjali differenti. “Għal dan il-għan se nkomplu nibnu l-istrutturi meħtieġa imma rridu nkomplu nsaħħu wkoll is-sistema tal-pensjonijiet, benefiċċji soċjali u miżuri oħrajn.”

“Filwaqt li nibnu fuq il-kisbiet tas-snin li għaddew fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impenn tal-Gvern hu li nkomplu mexjin lejn sistema edukattiva ta’ kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd.”

DOI – Pierre Sammut

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll kif fis-settur tas-saħħa dan il-Gvern irid li jkun assigurat li kull individwu jkollu l-opportunità li jgħix ħajja b’saħħitha u attiva u li kulħadd ikun jista’ jibbenbefika minn aċċess ugwali għal kura ta’ saħħa u kwalità.

Finalment, hija ħeġġet lill-istakeholders involuti u lill-pubbliku inġenerali sabiex jagħti l-kontribut tiegħu sabiex flimken nistgħu nfasslu u noħolqu żvilupp ekonomiku soċjali u anke ambjentalment sostenibbli.

L-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 tkompli tibni fuq id-dokument ta’ Viżjoni 2050, li ġie adottat fl-2018 kif ukoll l-Aġenda 2030 dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. 

L-istrateġija tfasslet mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-istess Ministeru wara konsultazzjoni estensiva mal-Ministeri, Entitajiet u Dipartiment Governattivi kif ukoll diversi għaqdiet volontarji u partijiet interessati. L-istess Direttorat ser ikun ukoll responsabbli għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija, permezz tat-tfassil ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 b’miżuri konkreti.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 se tkun miftuħa sa nhar il-Ħamis, 9 ta’ Frar 2023. Wieħed jista’ jsib id-dokument minn fuq is-sit: https://sustainabledevelopment.gov.mt/mt/l-istrategija-ta-malta-ghall-izvilupp-sostenibbli-2050/

Ekonomija

Sport