Wednesday, April 24, 2024

Misidjan mixli li hedded lill-eks-sieħba

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena mill-Imsida kien mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke b’theddid fil-konfront tal-eks-sieħba.

Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq divjett tal-Qorti wara li l-avukati tiegħu semmew kif huwa uffiċjal għoli fi Transport Malta u persuna tinżamm innoċenti sakemm tinstab ħatja jekk joħroġ ismu jista’ jitkeċċa.

Ir-raġel kien mixli wkoll li beżża lill-eks-sieħba, li taha fastidju, li segwiha u li bħala uffiċjal pubblika wettaq reat meta kellu josserva li dan ma jsirx.

L-Avukati Yanika Abdilla u Jonathan Abela nsistew li dan kien l-ewwel allegat inċident bejn il-koppja u li kienet hi li segwiet lill-klijent tagħhom.

Min-naħa tagħha l-Ispettur Stacy Attard sostniet li dan ma kienx l-ewwel inċident bejniethom.

Waqt li ċaħad l-akkużi, ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma javviċinax lill-mara.

Dan taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma l-għassa tal-Imsida kull nhar ta’ Tlieta, li jiddepożita €1,000 u li jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €3,000.

Sport