Missier tilef ħajtu traġikament f’nar li tqabbad f’dar ikkawżat minn batterija tal-litju li jiċċarġja e-bike. Id-dar f’Woodyard Close, Kentish Town, fit-Tramuntana ta’ Londra, saret fjamma waħda daqslikieku ntlaqtet minn splużjoni qawwija.
Il-pumpiera li waslu fuq il-post f’ħin qasir sabu lir-raġel fil-pjan terran li ġie dikjarat mejjet fuq il-post. Ħames persuni oħra ħelsuha ħafif wara li laħqu ħarġu mill-bini qabel ma’ waslu t-timijiet tas-salvataġġ.
Il-biċċa l-kbira tal-pjan terran u l-ewwel sulari tad-dar, li kienet ġiet mibdula fi blokka ta’ appartamenti, saru ħuġġieġa waħda.
Iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Lokali tal-Inkwilini u r-Residenti qal li kulħadd fil-komunità huwa totalment meqrud. Dan l-inċident kien xokk kbir, speċjalment għat-tfal tal-familja milquta.
Diversi djar tal-madwar ukoll ġarrbu ħsarat min-nirien. L-Assoċjazzjoni tar-Residenti tat lil kull dar £500 biex tittranġa l-ħsara li saret bin-nirien.
Fl-operazzjoni tat-tifi tan-nar ħadu sesem 70 pumpier li nġiebu minn diversi stazzjonijiet tal-madwar u damu madwar sagħtejn u nofs biex ġabu n-nirien taħt kontroll.
Il-familja li tilfet id-dar tagħha hija mifhuma li qed toqgħod mal-qraba waqt li dawn ifittxu xi mkien ieħor fejn jgħixu.
L-investigaturi jemmnu li l-aktar kawża probabbli tan-nar hija dovuta għall-ħsara fil-pakk tal-batterija tal-litju, li kienet qed tiċċarġja e-bike.
F’dawn l-aħħar xhur kien hemm numru ta’ każi ta’ batteriji jew chargers tal-e-bike li ħadu n-nar. Il-brigata tat-tifi tan-nar ta’ Londra ħareġ aktar qabel kien ħarġet twissijiet ta’ sigurtà minħabba n-numru ta’ nirien li raw djar sħaħ jinqerdu u traġikament wasslu għall-mewt ta’ omm u żewġt itfal.