Friday, May 3, 2024

Il-faċċata tal-Knisja ta’ San Gejtanu b’dehra ġdida f’waqtha għall-ġimgħa tal-festa

Aqra wkoll

Il-festa ta’ San Gejtanu ta’ din is-sena, li ċ-ċelebrazzjoni tagħha se tibda mil-lum u tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd li ġej, se jkollha sinifikat speċjali iżjed mis-soltu għall-Ħamruniżi, hekk kif għadu kemm tlesta r-restawr estensiv li sar fuq il-faċċata tal-Knisja. Dan kien possibbli permezz ta’ sena ħidma b’investiment totali ta’ €200,000.

“Bini li qed inħarsuh u li jistiednek biex tidħol ġewwa. Hemm tista’ tiltaqa’ l-familja t’Alla,” fisser l‑Isqof Awżiljarju, Joseph Galea‑Curmi, waqt konferenza stampa li saret dalgħodu fuq iz-zuntier tal-Knisja.

Is‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett osserva li dan kien wieħed mill-iktar proġetti li sewa flus, kemm għall-Gvern kif ukoll għall-parroċċa: “Ingħataw madwar €40,000 mill-parruċċani — testament ta’ kemm in-nies tal-Ħamrun għandhom din il-Knisja għal qalbhom”.

B’rabta ma’ dan, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, spjega kif il-parruċċani ffinanzjaw 20% mill-ispejjeż marbuta ma’ dan il-proġett, filwaqt li l-maġġorparti tal-ispejjeż, 80% tagħhom, ġew iffinanzjati mill-fondi Ewropej.

Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet tal-Knisja, Walter Cauchi, esprima s-sodisfazzjon li jħoss malli jilmaħ lin-nies jammiraw il-faċċata tal-Knisja filwaqt li qal illi kieku ma kienx għal dan il-proġett, ma kienx ikun possibbli li r-restawr isir realtà.

Fl-aħħar nett, huma ma naqsux milli jawguraw il-festa t-tajba lill-Ħamruniżi kollha.

Sport