Monday, April 22, 2024

Mistenni jiskatta l-proċess għall-ħatra tal-Avukat tal-Istat ġdid

Aqra wkoll

Il-proċess imwiegħed li jkun wieħed “wiesgħa u trasparenti”

Wara li l-ewwel Avukat tal-Istat, Dr Victoria Buttigieg, kienet maħtura bħala l-ewwel Avukat Ġenerali mara, Inewsmalta tista’ tikkonferma li se jiskatta proċess biex jiġi maħtur it-tieni persuna li ser jokkupa l-irwol tal-Avukat tal-Istat.

Kien fl-2019, wara r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja, li l-irwol duppliku tal-Avukat Ġenerali (wieħed bħala l-ogħla uffiċjal prosekutur f’pajjiżna, u l-ieħor bħala r-rappreżentant legali tal-istati fi ħdan il-proċeduri differenti) f’żewġ rwoli differenti. L-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat se jkun il-konsulent legali prinċipali u uffiċjali tal-Gvern fuq affarijiet legali, u jassigura li l-atti kollha tal-Gvern ikunu kemm jista’ jkun abbażi tal-liġi.

Intant, il-Kapitlu 603 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jirregola l-ħatra, jisħaq li l-Ministru responsabbli għall-ġustizzja “għandu jwaqqaf Kummissjoni tal-Ħatra, li tikkonsisti minn Chairperson u bejn 2 u 4 persuni oħra. Dawn il-persuni għandhom ikunu rispettati u fdati mill-pubbliku u huwa kwalifikati teknikament biex jeżaminaw lill-kandidati.” Din il-Kummissjoni tal-Ħatra għandha toħroġ sejħa pubblika għal applikazzjonijiet miftuħa, u wara r-rapport tal-Kummissjoni, huwa l-Prim Ministru li jagħmel l-għażla tiegħu abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni sottomessi lilu.

Fi stqarrija li għamel magħna, il-Gvern tenna li l-proċess “huwa wieħed simili għall-mod ta’ ħatra li ntuża riċentament għall-ewwel darba fil-ħatra tal-Avukat Ġenerali mill-Prim Ministru, fuq rakkomandazzjoni ta’ Kummissjoni ta’ ħatra indipendenti, wara proċess wiesgħa u trasparenti.”

Filwaqt li sal-ħin tal-pubblikazzjoni is-sejħa pubblika għal dan l-irwol għadha ma ġietx ppubblikata mill-Gazzetta tal-Gvern, kelliem għall-Ministeru tal-Ġustizzja saħaq li din is-sejħa mistennija sseħħ imminentament.

Uħud mill-persuni li qegħdin jissemmew għal dan l-irwol jinkludu d-Deputat Avukat Ġenerali attwali, Dr Philip Galea Farrugia, kif ukoll id-Direttur tas-Servizzi Legali fi ħdan l-Università ta’ Malta, Dr Chris Soler. Madanakollu, l-applikazzjoni mistennija tkun waħda miftuħa simili għal dik tal-Avukat Ġenerali, li kienet miftuħa għal kwalunkwe persuna li kellu esperjenza ta’ madwar 12-il sena fl-avukatura, jew kien jokkupa l-irwol ta’ Maġistrat fil-Qrati, jew inkella t-tnejn. 

Sport