Tuesday, December 24, 2024

“Mistennija effetti pożittivi fil-ġlieda kontra l-marda”

Aqra wkoll

Minkejja li kien hemm tħassib u għajdut dwar saħħet il-Prinċipessa ta’ Wales, Kate Middelton, meta f’nofs Jannar li għadda ddaħħlet l-isptar għal operazzjoni fl-istonku, l-aħbar li qiegħda tingħata trattament għal kanċer ħasdet lil ħafna. Dan b’mod speċjali hekk kif riċentement, din il-marda kiefra misset l-ewwel lid-Dukessa ta’ York, Sarah Ferguson u fi Frar li għadda lir-Re Karlu nnifsu. 

Minn dan kollu, iżda, il-kap taċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Kanċer tar-Renju Unit, Dott. Ian Walker, iddikjara li, “l-pass kuraġġuż ta’ Kate li tħabbar li qiegħda tiġġieled il-kanċer, mistenni li jkollu effetti pożittivi għall-ġlieda kontra l-marda”. Dan minħabba li fost l-oħrajn, wara li xxandar il-vidjow ta’ Kate, kien hemm aktar nies li daħlu fis-sit tagħhom biex ifittxu tagħrif dwar il-kanċer.

Djanjosi ta’ persuni prominenti jinkoraġixxu lin-nies biex isiru jafu aktar…

Min-naħa tiegħu Dott. Walker qiegħed jittama li djanjosi ta’ persuna importanti bħalma hija l-Prinċipessa Kate u l-bqija tal-membri tal-familja rjali Ingliża milquta, iwasslu biex jiżdied l-għarfien fost il-pubbliku u din it-tendenza, fil-fatt, diġà tidher li bdiet. 

Fir-rigward huwa qal li, “meta jitħabbru djanjosi ta’ persuni prominenti, naraw żieda sinifikanti fin-numru tal-persuni li jidħlu fis-sit tagħna għal informazzjoni dwar is-saħħa. Persuni importanti bħar-Re u l-Prinċipessa jistgħu jinkoraġġixxu lin-nies biex isiru jafu aktar dwar il-marda. Naħseb li meta nitkellmu fil-miftuħ dwar djanjosi ta’ kanċer, ikun hemm effett pożittiv”.

Filwaqt li awgura lill-Prinċipessa Kate li tirkupra kompletament, Dott. Walker fakkar li fi żminijiet diffiċli bħal dawn, huwa importanti ħafna li nirrispettaw il-privatezza ta’ Kate u tal-familja tagħha. 

Għarfien għal djanjosi bikrija tiffaċilità fejqan

Mil-lat professjonali Dott. Walker qal li l-għarfien huwa importanti biex issir djanjosi bikrija tal-kanċer. “Din hija importanti ħafna għax fil-każ ta’ ħafna tipi ta’ kanċer, meta jinstabu fi stadji bikrija, hemm għażla aħjar ta’ trattamenti li, fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu jkollhom impatt sinifikanti għal fejqan minn djanjosi ta’ kanċer”. Huwa qal li persuna li tkun djanjostikata bil-kanċer tgħaddi minn vjaġġ personali u fakkar lil dawk kollha milquta mill-marda, li hemm gruppi ta’ sostenn biex jgħinuhom f’dan il-vjaġġ.

Barra minnhekk Dott. Walker spjega li huwa verament importanti li l-persuni morda bil-kanċer ikollhom perjodu ta’ żmien għalihom biex janalizzaw bl-aħjar mod kif jagħtu din l-aħbar iebsa lill-familji u l-ħbieb tagħhom. Kate, fil-fatt, fil-vidjow tagħha semmiet li għandha bżonn ta’ spazju personali biex tkun tista’ twassal din l-aħbar lil uliedha, li għadhom pjuttost żgħar fl-età. Viċin tagħha, l-istess Prinċipessa qalet li hemm żewġha l-Prinċep William, li huwa l-eredi għat-tron tar-Renju Unit wara missieru r-Re Karlu.

Id-direttur taċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Kanċer fir-Renju Unit spjega li jiġri ta’ spiss, li t-tobba jirrakkomandaw u jagħtu kors ta’ kimoterapija wara operazzjoni u dawn normalment idumu bejn tliet u sitt xhur. Il-perjodu tat-trattament jista’ jvarja skont il-każ. 

Terapiji magħrufa bħala “adjuvant chemotherapy” isiru bil-għan li jonqos ir-riskju li jerġa’ jirriżulta kanċer billi jinqerdu ċ-ċelloli tal-kanċer li setgħu baqgħu preżenti wara l-operazzjoni jew li kienu laħqu nfirxu qabel l-intervent mediku.

Żieda fil-każijiet ta’ kanċer iżda r-rata ta’ fejqan irdoppjat 

Dott. Walker ħabbar ukoll li l-każijiet ta’ kanċer qegħdin jiżdiedu. Fil-fatt, din l-għaqda tal-karità qiegħda tistenna li fir-Renju Unit se jkun hemm madwar nofs miljun każijiet ta’ kanċer sas-sena 2040. Minkejja dan, huwa aċċenna għall-fatt li f’dawn l-aħħar 50 sena, dan il-pajjiż kellu rata doppja ta’ persuni li fiequ mill-kanċer u dan grazzi għall-avvanzi fix-xjenza li għamilna f’dawn l-aħħar snin. Speċifika li din ir-rata ta’ fejqan inkisbet grazzi għall-progress miksub minn riċerka u teknoloġiji ġodda, kif ukoll terapiji u mediċini innovattivi.

“Rajna progress enormi anke fir-radju terapija fejn illum il-ġurnata nistgħu nipprovdu trattament li jiffoka l-aktar fuq il-kanċer u jipproteġi u jippreserva t-tessut tal-madwar. Dan it-trattament huwa l-aqwa li qatt kellna fl-Istorja. Barra minnhekk, fil-kirurġija għandna għodod innovattivi fosthom l-“iKnife” li esssenzjalment tagħraf bejn tessut kanċeroġenu u dak san”.

Dott. Walker temm jgħid li kien hemm ukoll progress b’użu ta’ tipi differenti ta’ terapiji mħallta li bihom jintużaw mediċini differenti flimkien biex it-trattament ikun aktar effettiv.

Ekonomija

Sport