Wednesday, April 24, 2024

MITJAR GĦAL GĦAWDEX

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Nibqa’ xettiku dwar il-proposta li f’Għawdex jitlesta mitjar biex jirċievi titjiriet ta’ ajruplani minn Malta, li jwasslu hemm sa ħdax-il passġġier. L-istess jagħmel ħelikopter imdaqqas. 

Se jinstab li għal ajruplan dil-biċċa mhux se tkun kummerċjalment fattibbli u allura l-ħtieġa biex jitwessa’ l-ajruport, jikber l-ajruplan eċċ. u l-art agrikola tkompli tittiekel, biż-żieda ta’ bini kummerċjali ġdid li jibqa’ hemm wara li l-proġett ikun falla.

Servizz sussidjat ta’ ħelikopter kellu jkun biżżejjed, anke jekk jikkozza kontra xi regoli tal-Unjoni Ewropea. Imma hu wisq aħjar li l-aqwa servizzi għal komunikazzjoni tajba bejn Għawdex u Malta jkunu sussidjati bis-serjetà u b’galbu, permezz tal-Gozo Channel u tal-fast ferry. 

Il-proposta ta’ titjiriet regolari tal-ajruplani tidher attraenti sakemm jinstab kemm hi illużorja. 

KONSEGWENZI 

Il-konsegwenzi politiċi u soċjali ta’ gwerra ma jiqfux wara li tintemm, kemm għat-telliefa, kemm għar-rebbieħa.

Meta fl-1870, il-Prussja rebħet lil Franza u twaqqaf “l-imperu” Ġermaniż li inkorpora fih il-provinċji ta’ Alsace u ta’ Lorraine, il-biċċa ma spiċċatx hemm. Reġgħet qamet fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija meta ż-żewġ provinċji mill-ġdid saru Franċiżi. Li għal darb’oħra jsiru “Ġermaniżi” kien wieħed mill-għanijiet tal-gwerra tan-Nazi li okkupawhom wara s-sena 1940. Fi tmiem it-Tieni Gwerra, mill-ġdid saru “Franċiżi”.  Kien fl-aħħar 60 sena jew ftit aktar, kemm ilha mwaqqfa l-Unjoni Ewropea, li dil-kwistjoni tidher midfuna għal dejjem.

Kull gwerra tħalli warajha tifkiriet qarsa u rieda biex dak li ntrebaħ ma jintilifx u biex dak li ntilef jintrebaħ lura… iż-żerriegħa ta’ gwerer ġodda.

GWIDA TAL-GVERN?  

Bħal f’kull ekonomija tista’ tgħid, is-settur privat jistenna l-appoġġ tal-gvern waqt li jgerger jew li m’għandux biżżejjed minnu jew li hemm wisq indħil. Ħafna drabi l-kontroversja tqum dwar jekk regoli li qed jiġu applikati humiex opportuni.

Rajniha fl-aħħar sentejn jew kemm, matul il-pandemija, fuq deċiżjonijiet li ħa l-gvern fost oħrajn dwar ilbies ta’ maskri, dħul fil-ħwienet, laqgħat publiċi u kummerċjali. Imma l-aktar ħaġa li laqtitni kien meta fl-aħħar ta’ dan iż-żmien ta’ prekawzjonijiet u kontrolli, il-gvern wasal biex ineħħihom kollha.

Bir-raġun, numru ta’ ċittadini baqgħu minn rajhom jilbsu l-maskri u ma jidħlux f’postijiet fejn ma jintużawx. Hu evidenti li din hi għażla personali li għandha tinżamm libera. Min irid jilbes maskra, min irid le.

Biss jekk fhimt tajjeb, saru lmenti anke dwar hekk. Intqal li l-gvern ħalla wisq ambigwità fil-biċċa. Kif se tirregola negozju bejn klijenti li jidħlu bil-maskra u oħrajn li le? Ma fhimtx għaliex il-gvern kellu jidħol f’dil-materja.

Sport