Wednesday, April 24, 2024

Mitluba investigazzjoni fil-konfront tas-Sindku tan-Naxxar

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kiteb lill-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit sabiex tibda l-investigazzjoni tagħha fil-konfront tas-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami.

Huwa għamel dan wara li ma ddikjaratx allegat kunflitt ta’ interess.

Fi stqarrija, maħruġa mill-istess partit, intqal li ta’ min jinnota li l-Partit Nazzjonalista kien ta’ gwida ċara lis-sindku biex il-Kunsill jivvota kontra dan il-proġett.

Il-Partit Nazzjonalista tenna li jesiġi l-ogħla standards mill-uffiċjali u dawk kollha li b’mod jew ieħor jirrappreżentawh.

Intant aktar qabel, wara rapport fil-midja dwar l-involviment tagħha fil-vot tal-proġett fin-Naxxar, is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami ddikjarat li ma kien hemm l-ebda kunflitt ta’ interess għal diversi raġunijiet.

Permezz ta’ stqarrija, is-Sindku tan-Naxxar qalet li bħala Sindku dejjem ġabet l-interess tal-lokalità u r-residenti. Qalet li dan il-proġett ġie trattat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar bħal kull proġett ieħor ta’ żvilupp li sar ġewwa n-Naxxar.

Fost l-oħrajn qalet li x-xogħol li sar mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar immexxi minnha dwar dan il-proġett huwa wkoll rifless fid-differenza tan-numru tal-oġġezzjonijiet bejn l-ewwel proposta u dik li għaddiet issa. Qalet li dan ifisser li b’diskuzzjoni u perswazzjoni, ix-xogħol li wettaq il-Kunsill, wassal biex l-iżviluppatur laqa’ t-talbiet li ressaq il-Kunsill Lokali.

Żiedet tgħid li minn barra dan, il-vot tagħha fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, kien riflessjoni sħiħa tas-sentiment u deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar li ttieħed fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali numru 33, u kull darba li ġie diskuss dan il-proġett

“Fid-dawl ta’ dan, b’kuxjenza nemmen kemm fuq livell personali kif ukoll politiku, imxejt bit-trasparenza u b’etika politika, filwaqt li flimkien mal-Kunsilliera ħarist l-interessi tal-lokalità u r-residenti tagħna,” qalet filwaqt li temmet tgħid li tinsab moralment konvinta li għandha tkompli bil-ħidma tagħha bħala Sindku tal-Lokalità tan-Naxxar.

Sport