Saturday, June 20, 2026

Mixli bil-pussess ta’ 120 gramma eroina

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena residenti Ħal Luqa ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli bi traffikar taddroga, wara li allegatament instab fil-pussess ta’ 120 gramma eroina u kważi €19,000 fi flus kontanti. Fil-Qorti nstema’ kif l-uffiċjali tal-Pulizija kienu ilhom josservaw il-movimenti tar-raġel wara informazzjoni li rċevew dwar l-attivitajiet tiegħu. 

Skont il-Pulizija, l-investigazzjonijiet indikaw li ssuspettat kien ta’ spiss jidher ma’ persuni magħrufa malawtoritajiet għal reati relatati mad-droga. Huwa kien ukoll osservat jidħol f’passaġġ fi Triq Ħal Farruġ, Ħal Luqa, fejn kien iqatta’ biss ftit minuti qabel jitlaq mill-post. 

Ir-raġel ġie arrestat fl-istess żona. Minn tfittxija li saret fuqu allegatament instabu 20 gramma eroina moħbija f’borża fil-but tiegħu, kif ukoll ħames pakketti oħra li kien fihom madwar 100 gramma oħra tad-droga. Aktar tfittxijiet f’residenzi f’Ħal Għaxaq u Ħal Tarxien wasslu għas-sejba ta’ kważi €19,000 fi flus kontanti. Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi marbuta mat-traffikar tad-droga. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarkat li l-akkużat għandu fedina penali nadifa, ikkoopera mal-investigaturi u li l-ammont ta’ droga involut kien relattivament limitat. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom l-obbligu li jiffirma darbtejn kuljum fl-għassa tal-pulizija, depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Julian Scicluna f’isem l-Uffiċċju talAvukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Fleur Abela dehru għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport