Hekk kif għada se nkunu qed niċċelebraw Jum il-Missier, dan il-ġurnal ħaseb biex jieħu xi kummenti ta’ Membri Parlamentari u anke Ministri, li huma wkoll missirijiet, dwar xi jfisser dan il-Jum speċjali għalihom u anke rigward ir-rwol ta’ missier fis-soċjetà tal-lum.
Onor. Chris Fearne – Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Jum il-Missier huwa opportunità biex nieqfu u nirrikonoxxu dak kollu li missirijietna għamlu għalina, ħafna drabi fost sfidi, pressjonijiet u sagrifiċċji li forsi nifhmuhom aħjar biss meta nikbru. Kull ġenerazzjoni kellha r-realtajiet tagħha, u ħafna missirijiet għamlu l-almu tagħhom bil-mezzi u ċ-ċirkostanzi li kellhom. Ġurnata bħal din tfakkarna biex nesprimu l-gratitudni tagħna lejn missirijietna, mhux biss għal dak kollu li għamlu għalina, iżda wkoll għall-valuri u s-sens ta’ responsabbiltà li rawwmu fina.
Illum, iktar u iktar bħala nannu ta’ tliet neputijiet żgħar, inħares lejn il-familja minn perspettiva kemxejn differenti. Li tkun nannu terġa’ tiskopri l-importanza tal-ħin, tal-paċenzja u tal-preżenza. F’dinja dejjem aktar mgħaġġla, kultant l-aktar ħaġa ta’ valur li nistgħu nagħtu lill-uliedna mhix xi ħaġa materjali, iżda l-ħin tagħna, l-attenzjoni tagħna u s-sens li dejjem għandhom lil min iduru.
Għandna wkoll ir-responsabbiltà li ngħaddu ’l quddiem l-esperjenzi u l-valuri li rċevejna, filwaqt li nifhmu li d-dinja li qed jikbru fiha wliedna u n-neputijiet tagħna hija differenti ħafna minn dik li trabbejna fiha aħna.
Onor. Dr Byron Camilleri – Ministru għall-Edukazzjoni u Sport

Li sirt u jien missier hija l-isbaħ ħaġa li ġrat f’ħajti. Ħajtek tinbidel. Tiżdied ir-responsabbiltà, tiżdied il-pressjoni, u issir aktar diffiċli li ssib bilanċ bejn ir-rwol fil-familja u x-xogħol. Però, is-sodisfazzjon u l-imħabba li tirċievi huma akbar minn dan kollu.
Onor. Dr Jonathan Attard – Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol

Jum il-Missier m’għandux ikun biss okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni, imma wkoll mument ta’ riflessjoni. Huwa jum li jfakkarni fil-valur kbir ta’ missieri, fil-ħidma bla waqfien tiegħu u fis-sagrifiċċji li għamel biex jien u ħuti jkollna aktar opportunitajiet u futur aħjar. Grat immens tal-appoġġ kontinwu tiegħu mhux biss fit-trobbija imma anke issa li kbirna għadni nsibu hemmhekk dejjem, speċjalment fil-karriera politika tiegħi.
Fl-istess ħin, illum napprezza aktar minn qatt qabel xi jfisser li tkun missier. Uliedi Siena u Ava ġabu f’ħajti ferħ li ma jitqabbel ma’ xejn, flimkien ma’ sens ta’ responsabbiltà li jagħti aktar tifsira lil kull ġurnata. Huma rigal kbir għalija u għal marti Ariana.
Nawgura minn qalbi Jum il-Missier it-tajjeb lil missieri, lill-kunjatu, lil dawk kollha li jgħixu dan ir-rwol b’imħabba u dedikazzjoni, kif ukoll lil kull min, b’xi mod jew ieħor, ħabb jew għadu jħobb bħala missier.
Onor. Dr Clifton Grima – Ministru għall-Ġustizzja

Ovvjament meta l-mara qalti li konna se nsiru ġenituri, kienet xi ħaġa ferm sabiħa u mbagħad meta jkollok it-tarbija f’idejk, il-prioritajiet ta’ ħajtek trid tara kif jinbidlu u tgħid kull deċiżjoni li trid tieħu, kull pass li tkun se tagħmel bla ma trid iżżomm lil uliedek ġo moħħok. Xi ħaġa li meta tqum filgħodu taħseb fuqhom u l-aħħar ħaġa qabel torqod, taħseb fihom ukoll. Jiġifieri, litteralment ħajtek tkun iddur fuqhom. Jien għandi żewġt itfal – tifel ta’ 12-il sena jismu Michael u għandi tifla jisimha Julia – għandha tmien snin, filwaqt li qed nistenna wild ieħor!
Onor. Dr Carmelo Abela, l-Ispeaker ġdid tal-Kamra tar-Rappreżentanti

Għalija l-isbaħ mumenti f’ħajti kienu t-twelid taż-żewġ ulied tagħna. Għaddejt minn bosta esperjenzi sbieħ imma tara ħolqien ġdid jitwieled quddiem għajnejk huwa miraklu. Tkun taf li għada pitgħada dawk iż-żewġ kreaturi se jsejħulek pa hija xi ħaġa straordinarja. Biss inħoss li m’hemmx għalfejn jiġi Jum il-Missier sabiex niftakar dan kollu.
Biss xi drabi jkun meħtieġ li nieqfu ftit mir-rutina ta’ kuljum u napprezzaw aktar lil dawk ta’ madwarna li huma l-aktar nies li jixtiqulna ġid u li aħna nħobbu. Tkun opportunità oħra biex inqattgħu ftit ħin flimkien.
Ikolli nistqarr li Jum il-Missier ta’ kull sena jaħbat mall-festa taż-Żejtun, dik ta’ Santa Katarina li hija festa għażiża ħafna għalija għax litteralment trabbejt fiha. Dan ifisser li ħafna mill-ħin inqattgħu fil-Knisja u fil-Pjazza taż-Żejtun. Ikollna nsibu ġurnata oħra biex inkunu flimkien. Kif għidt imma l-isforz li nkunu flimkien għandu jkun matul is-sena kollha.
Rigward ir-rwol tal-missier b’differenza għall-imgħoddi meta l-missier kien il-figura tad-dixxiplina u l-awtorità, illum inħoss li l-missier għandu jitqies bhala punt ta’ referenza fl-iżvilupp tat-tfal, kemm mill-aspett emozjonali u minn aspetti oħra wkoll.
Għandu jkun dak li jgħin lil uliedu fil-valuri tal-ħajja, qabel xejn permezz tal-eżempju u anke jkun ta’ gwida. Fir-rwol ta’ missier huwa għandu jservi bħala sors ta’ pariri fil-ħajja u b’mod partikolari meta t-tfal jiffaċċjaw problemi u sfidi li xi darba jew oħra jiġu fuq kulħadd. Il-missier għandu jkun dak li flimkien ma’ martu jew inkella l-omm ta’ uliedu jagħti sens ta’ sigurtà u stabilità fil-familja.
Il-missier għandu jkun kumpann u sostenn għas-sieħba tiegħu u flimkien ikunu ġenituri fejn ir-responsabbiltajiet ikunu maqsuma skont kif maqbul għax fl-aħħar mill-aħħar it-trobbija tal-ulied mhijiex responsabbiltà ta’ parti waħda.
Onor. Dr Andy Ellul

Irrid nibda billi nistqarr miegħek li Jum il-Missier għandu sinifikat kbir għalija għax l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti kienet proprja meta sirt missier. Ħajtek tinbidel minnufih. Filwaqt li tħoss ferħ kbir, però tħoss ukoll sens ta’ responsabbiltà. Bħala ġenituri ma tibqax taħseb fik biss imma ma’ kull deċiżjoni li tieħu tibda żżomm f’moħħok kif ser taffettwa lil uliedek. Jum li fih naħseb ukoll kemm bata u ħadem għalija missieri, u kemm għadu sal-lum jagħtini pariri siewja.
Rigward ir-rwol tal-missier fis-soċjetà tal-lum, nemmen li kull missier għandu jinvolvi ruħu kemm jiflaħ fit-trobbija tat-tfal tiegħu, għaliex iż-żmien itir kif jgħid il-Malti. Nieħu mit-tifel tagħna, Gianni, filli daqsxejn ta’ tarbija, u filli ġuvni żgħir.
Parir li nagħti huwa li tħallu xejn, speċjalment ix-xogħol, jisirqilkom mill-ħin li tgawdu t-tfal tagħkom. Xejn ma jreġġa’ l-arloġġ lura u m’hawn xejn isbaħ mill-memorji ta’ meta t-tfal ikunu għadhom żgħar!

