Sunday, December 22, 2024

Mixli bil-qtil ta’ ħames persuni f’suq tal-Milied fil-Ġermanja

Aqra wkoll

Raġel mixli bil-qtil ta’ erba’ nisa u tifel ta’ disa’ snin wara li allegatament saq fuq in-nies f’suq tal-Milied fil-belt Ġermaniża ta’ Magdeburg baqa’ jinżamm arrestat.

Ir-raġel ta’ 50 sena tressaq fil-Qorti s-Sibt filgħaxija wara l-inċident li seħħ fil-ġurnata ta’ qabel meta karozza BMW baqgħet dieħla fil-folla u ħalliet ħames persuni mejta u aktar minn 200 oħra midruba.

Il-Pulizija f’Magdeburg qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, bl-uffiċjali qegħdin jitolbu lix-xhieda li ħadu xi ritratti jew filmati tal-inċident, jersqu ‘l quddiem u jgħadduhomlhom. 

L-akkużat ġie identifikat bħala Taleb al-Abdulmohsen, ċittadin Sawdi ta’ 50 sena, li daħal il-Ġermanja fl-2006 fejn il-professjoni tiegħu kienet dik ta’ tabib. 

Il-Ħadd filgħodu, il-Pulizija ta’ Magdeburg ikkonfermat li l-erba’ nisa maqtula f’dan l-inċident kellhom bejn il-45 u l-75 sena. “Imħallef ordna detenzjoni preventiva fuq ħames akkużi dwar qtil, numru ta’ attentati ta’ qtil u kkawżar ta’ ġrieħi fuq il-persuni,” intqal fi stqarrija. 

Tard is-Sibt filgħaxija, ġewwa l-Katidral ta’ Magdeburg, tfakkru wkoll il-vittmi ta’ dan l-attakk. Preżenti kien hemm il-familjari tal-vittmi, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz u uffiċjali oħra tal-gvern fost oħrajn. 

Waqt żjara fis-suq tal-Milied ta’ Magdeburg aktar kmieni s-Sibt, Scholz iddeskriva l-attakk bħala “traġedja” li ħalliet ħafna persuni mweġġa’ u oħrajn maqtula f’post li suppost jixhed il-ferħ b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet.

F’kummenti mal-ġurnalisti, Scholz esprima t-tħassib serju tal-awtoritajiet għal dawk li kienu ndarbu b’mod kritiku filwaqt li saħaq li “r-riżorsi kollha” se jkunu allokati għall-investigazzjoni tas-suspettat f’dan l-attakk. 

Il-Prosekutur Horst Walter Nopens qal li l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja iżda ssuġġerixxa li l-mottiv wieħed potenzjali wara dan l-attakk seta’ kien minħabba l-mod ta’ kif ir-refuġjati tal-Għarabja Sawdija “kienu qed jiġu trattati fil-Ġermanja.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport