Saturday, December 21, 2024

Mixli b’kompliċità f’serqa ta’ €450 minn karozza fil-Marsa

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena miż-Żimbabwe iżda residenti f’Birżebbuġa inżamm arrestat wara li fil-Qorti ġie mixli b’kompliċità f’serqa ta’ €450 minn karozza fil-Marsa.

Priviledge Mupimhidzi, li fil-Qorti qal li jaħdem bħala barbier, tressaq b’urġenza quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, li mexxiet mil-Prosekuzzjoni, spjegat li nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Diċembru 2023, għall-ħabta tad-9.00 p.m., raġel allega li nsterqulu xi flus mill-kartiera li kienet fil-vettura tiegħu.

Il-vittma qal li kien avviċinat minn żewġ persuni – raġel u mara – waqt li kien qed jitfa’ l-kontenituri tax-xorb fil-magna tal-BRCS fil-Marsa. Huwa żied jgħid li dan ir-raġel waqaf ftit u baqa’ sejjer iżda l-mara bdiet tkellmu u talbitu sigarett u xi flus.

Huwa fetaħ il-kartiera u taha xi flus u wara poġġieha fil-karozza. Ġara iżda li l-mara baqgħet hemm u sussegwentement daħlitlu fil-karozza, bil-vittma jitlobha toħroġ minnha.

Malli fetaħ il-kartiera, huwa sab li kellu €450 neqsin u beda jgħidilha li kienet hi li ħaditlu l-flus. Malli kkonfrontaha, il-mara bdiet tgħajjat u dan kollu kien ikkorroborat minn filmati tas-CCTV.

L-Ispettur Zerafa qalet li kien f’dan il-mument meta l-imputat resaq lejhom u beda bħal donnu jaqbeż għall-mara u anke ta daqqa ta’ sieq fuq il-bieba ta’ wara tal-karozza. L-imputat u l-mara mbagħad telqu flimkien minn fuq il-post.

Il-vittma kien ta deskrizzjoni taż-żewġ persuni lill-pulizija, li minnufih bdew ronda fl-inħawi u f’inqas minn siegħa identifikaw u arrestaw lill-allegat ħallelin.

Minbarra l-akkuża ta’ kompliċità fis-serqa, Mupimhidzi ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq il-vettura tal-vittma u li sar reċediv. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fedina penali voluminuża tal-imputat u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li għad iridu jinstemgħu xi xhieda fosthom il-vittma.

Il-Qorti ċaħdet din it-talba minħabba n-natura tal-akkużi, il-fatt li għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u anke minħabba li f’dan l-istadju huwa ma jidhirx li se jaderixxi mal-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqu. Kien għalhekk li huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Brincat deher għal Mupimhidzi.

Ekonomija

Sport