Saturday, December 21, 2024

Mixli b’serq ta’ karozzi permezz ta’ tow-truck

Aqra wkoll

Carmelo Butler ta’ 58 sena minn Birkirkara nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’serq ta’ karozzi permezz ta’ tow-truck. Dan is-serq intqal li kien isir għal skop ta’ bejgħ ta’ parts u ħadid. 

Fil-Qorti ħareġ li s-serq kien qed isir minn diversi lokalitajiet fosthom il-Mosta, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. Is-serqiet imorru lura sa minn Novembru tal-2020 u fil-fatt, Butler kien mixli li f’dak ix-xahar kien seraq karozza Hyundai minn San Pawl il-Baħar. 

Huwa kien mixli wkoll li seraq Mercedes f’Marzu li għadda u BMW ix-xahar li għadda kif ukoll li seraq Kia u Mini matul din il-ġimgħa. Akkużi oħra li nġiebu kontra tiegħu jgħidu li huwa kien laqa’ għandu oġġetti misruqa u li sar reċediv b’diversi sentenzi tal-Qorti.

Huwa wieġeb mhux ħati iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri, George Frendo u Ryan Vella. L-Avukat Edward Gatt deher għal Butler. 

Ekonomija

Sport