Saturday, April 27, 2024

“Malta hija ħerqana li tipparteċipa fis-settur spazjali” – Il-Ministru Owen Bonnici

Aqra wkoll

Imnedija l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Ispazju għal Malta għall-ħames snin li ġejjin

Wara konsultazzjoni mal-entitajiet esperti fil-qasam, kif ukoll mal-industrija u l-akkademja, il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Ispazju għal Malta.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici spjega li matul dawn l-aħħar sentejn, il-ministeru flimkien ma’ grupp ta’ esperti u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ħadmu bi ħġarhom sabiex jiżviluppaw din l-istrateġija li issa qed jippreżentaw lill-pubbliku għall-konsultazzjoni.

Il-Ministru Bonnici qal li, “Malta hija ħerqana li tipparteċipa fis-settur spazjali, mhux biss minħabba l-kapaċità li għandu das-settur biex irressaq in-nies lejn ix-xenzji, iżda anke għaliex ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur spazjali tgħin biex intejbu aktar il-kwalità tal-għajxien tagħna. Eżempju ta’ soluzzjonijiet li jiddependu minn teknoloġiji spazjali li nużaw ta’ kuljum f’ħajjitna jinkludu t-tbassir tat-temp u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni biex insibu l-aħjar rotta biex naslu għad-destinazzjoni tagħna”.

“Sabiex naħsdu l-aħjar benefiċċji soċjo-ekonomiċi minn din l-industrija li kontinwament tikber u tinbidel b’pass mgħaġġel, ħassejna l-ħtieġa li niżviluppaw strateġija li se tkun qed tkompri l-ħames snin li ġejjin”, kompla l-ministru.

Din l-istrateġija se tinbena fuq ħames pilastri ewlenin li huma:

  1. Investiment Dirett Barrani u Attrazzjoni tan-Negozju Spazjali
  2. Innovazzjoni Spazjali
  3. Żvilupp tal-Kapital Uman
  4. Konformità Regolatorja Internazzjonali
  5. Teknoloġija Emerġenti

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffery Pullicino Orlando tkellem dwar l-importanza tar-relazzjoni li rnexxielu jibni l-kunsill matul dawn l-aħħar disa’ snin mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

Dr Pullicino Orlando qal li l-Kunsill se jibqa’ impenjat li jsaħħaħ ir-relazzjoni ma’ din l-aġenzija, u “b’hekk se nkomplu nippromwovu lil Malta fuq livell internazzjonali, waqt li ntejbu l-viżibilità tas-settur”.

Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-4 ta’ Marzu. Id-dokument jista’ jinstab fil-link: https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MRIC/Pages/Consultations/MaltaNationalSpaceStrategy.aspx.

Sport