Raġel ta’ 51 sena, li għandu l-problema tad-droga, baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli b’serq ta’ roti mill-Imsida u l-Gżira.
David Yates mill-Gżira tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli b’serq, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u kiser sentenza sospiża.
L-Ispettur Jonathan Ransley spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienu qegħdin jiinvestigaw diversi serqiet ta’ roti li kienu qed iseħħu f’dawn l-aħħar xhur. Qal li l-pulizija rnexxielhom jaslu għall-imputat wara li nnutaw li waħda mir-roti misruqa kienet tpoġġiet għall-bejgħ fuq Marketplace ta’ Facebook. Il-bejgħ ġie ntraċċat lura għal Yates, li mbagħad ġie arrestat.
Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yates, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li r-raġel huwa magħruf mal-pulizija li kien jabbuża mid-droga eroina u hemm il-biża’ li jwettaq reati oħra.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv. Il-Qorti rrakkomandat ukoll li l-imputat jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex jindirizza l-problema tad-droga li għandu.
L-Avukat Daniel Attard deher għal Yates.