Friday, April 26, 2024

Mixli li darab b’sikkina lir-raġel ta’ oħt il-mara

Aqra wkoll

Raġel ta’ 62 sena bla saqaf fuq rasu tressaq il-Qorti mixli li ta darab b’sikkina lir-raġel ta’ oħt il-mara f’inċident li seħħ ix-xahar li għadda.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Abigail Critien mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-vittma bi strument li jaqta’ u bil-ponta u li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess.

L-Ispettur Roderick Attard spjega li nhar is-17 ta’ Ottubru li għadda, l-Għassa tal-Mosta kienet irċeviet rapport dwar ġlieda f’appartament fl-istess lokalità. L-uffiċjali marru fuq il-post u sabu li l-imputat kien weġġa’ lir-raġel ta’ oħt il-mara.

L-imputat ġie arrestat iżda kellu jiġi rilaxxat bil-police bail sabiex jingħata l-kura fl-Isptar Monte Karmeli u wara li ħareġ mill-istess sptar, reġa’ kien arrestat mill-ġdid. 

Fil-Qorti, ir-raġel wieġeb mhux ħati mhux tal-akkużi, bl-Avukat Difensur Alex Scerri Herrera jgħid li f’dan l-istadju ma kienx se jitlob għal-libertà proviżorja. Minflok, huwa talab lill-qorti tordna li l-imputat jinżamm arrestat fl-Isptar Monte Karmeli sabiex ikompli jingħata l-kura.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba, li eventwalment ġiet milqugħa wkoll mill-qorti.

Sport