Wednesday, April 24, 2024

Mixli li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-pulizija… jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Kurt Amato ta’ 24 sena minn San Ġwann ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-pulizija u ma obdiex l-ordnijiet tagħhom. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda fi Vjal in-Naspli, San Ġwann. 

Amato tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u permexz tal-avukati tiegħu talab għal-libertà proviżorja. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba nuqqas ta’ affidabilità tal-imputat hekk kif huwa jinsab mixli bi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq akkużi simili. “Jidher li hemm problema ta’ sustanzi. Il-fatt li jkollok bniedem li l-pulizija bdew ikellmuh bil-kelma t-tajba u f’mument minnhom jipprova jagħti daqqa ta’ ras lill-pulizija u jkun hemm ċertu theddid u diskors meta diġa’ qiegħed bil-bail… mill-filmat ma jidhirx li kien xi wieħed li ma jafx x’qiegħed jagħmel,” qal l-Ispettur Jonathan Cassar. 

Min-naħa tagħha d-Difiża argumentat li l-imputat għandu marda partikolari u fl-aħħar jiem reġa’ waqa’ għall-vizzju tad-droga. Minbarra l-ħelsien mill-arrest, id-Difiża talbet ukoll li Amato jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit tat lill-imputat il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li ma javviċinax lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni u taħt garanzija personali ta’ €15,000.

L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin dehru għall-imputat. 

Sport