Monday, December 9, 2024

Ftuħ ta’ ċentru ġdid għall-kura tat-tfal fil-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ritratti: Alan Saliba

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, inawgurat uffiċjalment il-ftuħ ta’ ċentru ġdid għall-kura tat-tfal (childcare) fil-Qawra bħala estensjoni għas-servizz tal-kura tat-tfal għal dawk il-familji li jgħixu fl-inħawi. Il-Ministru Caruana qalet li bħala pajjiż qegħdin nippromovu aktar childcare bla ħlas biex iktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u din il-mira, anke meta kkomparati ma’ pajjiżi barranin, intlaħqet.  

Il-Ministru Caruana qalet li f’idejna għandna lil uliedna li huma l-futur tal-pajjiż u rabtet dan il-proġett taċ-childcare bħala parti mill-istrateġija nazzjonali dwar l-edukazzjoni għas-snin bikrija li jkopru minn 0 sa seba’ snin. 

“Issa l-għan huwa li ċ-childcares jidħlu fi rwol ieħor, jiġifieri dak li jkunu opportunità għat-tfal kollha. Dan bil-għan li kemm jista’ jkun nkunu nistgħu nimplimentaw l-istrateġija ta’ edukazzjoni fis-snin bikrin għat-tfal kollha,” spjegat il-Ministru Caruana. Hija semmiet kif is-servizz taċ-childcare f’Malta riċentement kompla jgħin aktar lil dawk il-ġenituri li jaħdmu billi ġew estiżi l-ħinijiet u l-ġranet tas-servizz li jagħtu. Fil-fatt, barra li żdiedu s-sigħat tal-ftuħ taċ-childcare centres matul il-ġimgħa, għall-ewwel darba dawn se jiftħu anke fil-ġurnata tas-Sibt. 

Il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru għall-kura tat-tfal, li jinsab fl-istess binja tal-iskola primarja l-ġdida fil-Qawra, huwa meqjus bħala pass ieħor importanti fis-servizz ta’ kwalità għat-tfal fis-snin bikrija ta’ ħajjithom.

“Il-messaġġ ewlieni huwa li nibdew nedukaw lit-tfal tagħna mill-aktar punt bikri possibbli, jiġifieri aktar ma nibdew kmieni iktar ikun aħjar,” temmet il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana.

Ekonomija

Sport