Raġel ta’ 37 sena minn Ħal Balzan nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu u kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi.
Fil-Qorti ħareġ kif l-imputat u s-sieħba tiegħu kienu ilhom joħorġu flimkien għal xi xhur u qattgħu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex.
Ingħad li hekk kif it-tfajla daħlet tinħasel, l-imputat allegatament qagħad ifittex fil-mobile tagħha u hemm sabilha xi chats ma rġiel oħra.
Kien f’dan il-mument li nqala’ argument bejniethom, bl-imputat allegatament jerfa’ jdejh fuqha u jikkawżalha xi ġrieħi. Hija telqet minn fuq il-post u niżlet lura Malta.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.