Wednesday, December 25, 2024

Mixli li hedded raġel b’sikkina wara li ssuspetta li kien qed jirredikolah

Aqra wkoll

Raġel mill-Isla nżamm arrestat wara li kien mixli li hedded raġel ieħor b’sikkina f’Ħadd il-Għid, wara li allegatament beda jirredikolah.

Ronald Gatt ta’ 44 sena, li jaħdem bħala deliveryman u storekeeper, tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Gatt kien mixli li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza kontra l-allegat vittma, li kellu sikkina mingħajr liċenzja u li żamm persuna kontra l-volontà tagħha kif ukoll li insultah u heddu.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba s-serjetà tal-każ. “L-imputat ġarr sikkina miegħu. Dan huwa każ serju. Wisq nibża’ li jekk jingħata l-libertà proviżorja, se jipprova jikkuntattja l-allegat vittma,” qal l-Ispettur Darren Buhagiar.

Żied jingħad li l-allegat vittma għad irid jixhed f’dawn il-proċeduri u li l-post f’Tas-Sliema indikat lill-pulizija mill-imputat, kien fil-fatt mikri. Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li l-imputat ikkopera mal-pulizija u għandu mpjieg fiss.

Il-Qorti iżda ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Gatt jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiv ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Gabriel Kitcher. L-Avukat Joe Brincat deher għal Gatt.

Ekonomija

Sport