Serb ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti mixli li importa 51 kilogramma kannabis, liema droga nstabet moħbija fil-vann li kien qiegħed isuq mal-wasla tiegħu minn Sqallija bil-katamaran.
Miodrag Kocic wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ importazzjoni, traffikar u pussess tad-droga. Il-Maġistrat Noel Bartolo sema’ kif nhar it-Tlieta li għadda, l-uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjoni għall-ħabta tad-9.30 p.m. fit-terminal tal-Marsa u ġiehom suspett f’vann partikolari.
Minn aktar tfittxijiet, anke ssejħu l-pulizija, instabu total ta’ 51 kilogramma kannabis wara s-seat tax-xufier. Waqt l-istess tfittxija, il-pulizija sabulu wkoll id-dokumenti li kienu jindikaw li l-merkanzija li kellu jġorr kienu tliet friġis.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Marshal Mallia mentri l-Avukati Christian Mifsud u Shazoo Ghaznavi dehru għal Kocic.