Sunday, November 24, 2024

Mixli li stupraha wara li marret tkellmu tal-aħħar

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel Sqalli allegatament kien stupra mara Maltija, li magħha kellu relazzjoni fit-tul fil-passat, wara li hija marret wara l-bieb tad-dar tiegħu biex tkellmu tal-aħħar qabel jitlaq minn Malta biex jara lil ommu fi Sqallija li qiegħda tmut.

L-imputat, li għandu 44 sena u jaħdem bħala delivery-man, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli bi stupru li żamm lill-mara kontra l-volontà tagħha. L-allegat każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda fir-residenza tal-imputat f’Tas-Sliema.

Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Rachel Montebello, li quddiemha tressaq l-imputat, kif l-allegata vittma kienet irrapportat li allegatament kienet ġiet stuprata u sussegwentement ġie arrestat l-imputat. 

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. L-Avukat Difensur Roberto Montalto argumenta li l-klijent tiegħu u l-allegat vittma kienu ilhom jiffrekwentaw lil xulxin u li wara diversi xhur seħħ dan l-allegat inċident “bħal sajjetta fil-bnazzi.”

Kompla jgħid li dakinhar tal-inċidet kienet il-mara li ppreżentat ruħha mhux mistennija wara l-bieb tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni min-naħa tagħha oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-istadju ferm bikri tal-proċeduri tant li l-allegata vittma għadha ma xehditx u l-gravità tar-reat. 

“Il-fatt li ġrat darba biss hija inaċċettabbli,” qalet il-Prosekuzzjoni li żiedet tinnota li l-imputat m’għandux permess ta’ residenza Maltija u hemm ukoll il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-biża’ li jista’ jitlaq mill-pajjiż. 

Kien hawn fejn il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara kienet taf li r-raġel se jitla’ Sqallija biex jara lil ommu u kien għalhekk li marret għandu biex tgħidlu “ċaw” tal-aħħar għaliex kienu għadhom ħbieb flimkien. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss tressaq lill-allegata vittma biex tixhed. Il-Qorti ordnat ukoll divjet fuq isem l-imputat u l-allegata vittma. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kienet megħjuna mill-Ispetturi John Spiteri u Colin Sheldon.

Sport