Friday, December 13, 2024

Mixli li ta daqqa ta’ ponn lil missieru wara li ma tahx il-flus għad-droga

Aqra wkoll

Raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti mixli li ta daqqa ta’ ponn lil missieru wara li dan irrifjuta milli jagħtih il-flus għad-droga.

L-imputat tressaq quddiem il-Maġitrat Ian Farrugia mixli li ħebb għal missieru ta’ 65 sena u li kkawżalu biża’ li se tintuża vjolenza kontrih jew kontra l-proprjetà tiegħu.

L-Ispettur Christian Cauchi spjega fil-Qorti kif ir-raġel, li għandu problema tad-droga, regolarment kien qiegħed jitlob lill-ġenituri tiegħu jagħtuh il-flus sabiex jissodisfa l-vizzju li għandu.

Intqal li nhar it-Tlieta li għadda, meta missieru rrifjuta li jagħtih il-flus, l-imputat allegatament aggredih u tah daqqa ta’ ponn f’għonqu.

Fil-Qorti l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni u nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-Avukat Martin Fenech deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport