Saturday, December 21, 2024

Miżjud l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja permezz tas-setgħat provduti f’artikolu 382 tal-kodiċi ta’ organizzazzjoni u proċedura ċivili, stabilixxa l-ammont ta’ €1,233.00 kull xahar bħala l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli.

“L-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli qatt ma ġie rivedut mill-1995. Dak iż-żmien il-Parlament kien iddeċieda li kellu jkun Lm300 (€698.81) fix-xahar, jiġifieri ferm aktar mill-paga minima ta’ dak iż-żmien. Għalhekk, biex nilħqu bilanċ bejn l-interessi tal-kredituri u tad-debituri, applikajna r-rata tal-inflazzjoni fuq l-ammont li kien oriġinarjament stabilit 28 sena ilu,” qal il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.

Il-Ministru Attard qal li din ir-reviżjoni hija msejsa fuq neċessitajiet soċjali għaliex l-ammont stabilit fl-1995 mhux qiegħed joffri ħajja diċenti u dinjituża, tant li attwalment l-ammont mhux sekwestrabli huwa saħansitra anqas mill-paga minima. Il-kalkolu matematiku sar fuq data uffiċjali maħruġa annwalment mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali u l-Bank Ċentrali, fejn ġie stabilit li bl-inkriment tal-ħajja ser ikun jammonta għall-€1233. Il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru jkun jgħodd fuq il-parti li teċċedi dan l-ammont, hekk kif rivedut.

L-Avviż legali 302 tal-2023 jistabilixxi li din l-ordni ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.

Ekonomija

Sport