Saturday, May 4, 2024

MIŻURI GĦAL BILANĊ BEJN IL-ĠENERU FIL-KUNSILLI LOKALI

Aqra wkoll

Il-Gvern huwa impenjat li jindirizza r-realtà tar-rappreżentanza femminili dgħajfa fil-politika. Din ir-realtà ilha magħrufa tant illi għall-ewwel darba f’din il-leġiżlatura ġiet introdotta għall-kwota tan-nisa fil-Parlament. Għaldaqstant ladarba nstab dan il-mekkaniżmu, irridu naraw jekk għandux jiġi applikat ukoll għall-Kunsilli wara li ssir analiżi bir-reqqa dwar jekk il-mekkaniżmu parlamentari ħadimx, jew laħaqx l-iskop tiegħu.

L-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali huma ftit ġimgħat ‘il bogħod. Sadanittant, diġà bdew jittieħdu miżuri intiżi li jinkoraġġixxu u jinċentivaw aktar l-interess fil-Kunsilli Lokali bl-ewwel miżura tkun li jitneħħa l-obbligu tad-depożitu li jridu jħallsu dawk li jikkandidaw ruħhom għall-elezzjonijiet. Dan neħduh pass pożittiv u nittamaw illi jwasal biex aktar persuni jipparteċipaw f’kull proċess demokratiku li jsir f’pajjiżna.

Fortunatament, l-interess tan-nisa fil-Kunsilli Lokali jidher li qed jiżdied tant li għall-elezzjonijiet li jmiss mistenni li jkun hemm numru akbar ta’ kandidati mill-aħħar elezzjoni li saret ħames snin ilu. Uħud minnhom se jikkontestaw għall-ewwel darba għaliex jemmnu li jistgħu jikkontribwixxu biex il-komunità li se jirrappreżentaw tkun aħjar.

Qabel jidħlu l-miżuri, filwaqt li huwa tajjeb li jsir hekk, nemmnu li għandha ssir analiżi tar-raġunijiet li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika għadha daqshekk baxxa f’pajjiżna. Għad hawn it-tendenza li n-nisa jippreferu jeleġġu kandidat raġel milli mara. Għalhekk in-nisa għandhom jersqu aktar ‘il quddiem, iżidu l-parteċipazzjoni tagħhom għax b’hekk biss is-soċjetà tkun tista’ tifhem aħjar il-problemi li jaffaċċjaw dawk li jitħajru jikkandidaw ruħhom.

Dawn il-miżuri jirriflettu kemm il-Gvern jemmen fil-Kunsilli Lokali u lest li jkompli jsaħħaħhom u jagħtihom l-għodod biex iwettqu l-aspirazzjonijiet tar-residenti. Dan il-Gvern kien diġà wrieh meta taffa ħafna l-piżijiet finanzjarji li kienu jġorru l-Kunsilli Lokali. Tant li ċertu xogħlijiet għaddew għal għand il-Gvern Lokali u ma baqgħux fir-responsabilità tal-Kunsilli Lokali, anke jekk il-Gvern żidilhom il-finanzjament tagħhom.

Aktar ma tkun wiesgħa l-parteċipazzjoni, aktar tissaħħaħ id-demokrazija. U d-demokrazija tfisser li leħen iċ-ċittadin, għandu mhux biss jasal imma wkoll ikun mismugħ u jingħata valur.

Il-miżuri proposti, jekk jiġu introdotti kif għandu jkun, nemmnu bis-sħiħ li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-lokalitajiet madwar pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport