Thursday, January 30, 2025

Mod iddisprat biex jinħeba att kriminali atroċi… Uħud mill-agħar każijiet li seħħu madwar id-dinja tul is-snin

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-att krudili li tintemm il-ħajja ta’ persuna minn id ħaddieħor, irrilevanti miċ-ċirkostanzi, huwa att li fih innifsu jkexkex lil kull wieħed u waħda minnha. Iżda, li l-qtil ikun ta’ natura makabra li fih il-vittma titqatta’ u tintrema’ x’imkien f’bagalja, bħall-każ ta’ din il-ġimgħa f’Malta, żgur li jweġġa’ bil-kbir u jħasseb lil kulħadd. Hawn naraw kemm il-bniedem għandu lat oskur tal-biża’. 

It-tendenza li qattiela jwaddbu u jipprovaw jeħilsu mill-vittmi tagħhom billi jaħbuhom f’bagalja u jarmuha, rajniha sseħħ f’diversi pajjiżi. Esperti forensiċi jisħqu li hemm raġuni valida għala qattiela jagħżlu kontenitur bħalma hija bagalja biex jaħbdu d-delitt tagħhom. Din hija għaġġla u paniku biex jeħilsu mill-katavru. Fattur ieħor huwa li bagalja tesa’ ġisem ta’ bniedem kif ukoll din, jekk wieħed ma jkollux, faċli li jmur jixtri waħda ta’ malajr. Barra minnhekk, bagalja hija faċilment trasportata min-naħa għall-oħra speċjalment jekk din ikollha r-roti. Punt ieħor li jsemmu huwa dak li wħud mill-bagalji anke jżommu milli toħroġ ir-riħa tal-ġisem f’fażi ta’ dekompożizzjoni. 

Dawn it-tip ta’ każijiet tul is-snin irriżultaw li huma numerużi. Dawn huma wħud minnhom li jispikkaw aktar minn oħrajn għall-fatt ta’ min huwa l-vittma, il-mod kif jinqatlu u minn min isir dan id-delitt aħrax.

Il-katavri ta’ koppja f’bagalji mitluqa fuq pont

… Biża’ fost il-komunità LGBTIQ+

Wieħed mill-aktar riċenti huwa dak fir-Renju Unit fejn il-pulizija lokali akkużat raġel b’żewġ kapi ta’ akkuża ta’ qtil wara li fdalijiet umani nstabu f’bagalji fuq il-pont ta’ Bristol Clifton, f’Londra. 

F’dan il-każ, raġel ta’ 34 sena bl-isem ta’ Yostin Andres Mosquera, huwa akkużat li qatel iż-żewġt irġiel – Albert Alfonso ta’ 62 sena u Paul Longworth ta’ 71 sena. Il-vittmi kienu f’relazzjoni u kienu jgħixu flimkien f’appartament. Minn rapporti, l-akkużat kien għal ftit żmien jgħix magħhom. Dan il-każ kexkex lill-komunità LGBTIQ+ iżda mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li dan id-delitt ma kienx wieħedta’ natura omofobika iżda wisq probabbli kien wieħed ta’ mibgħeda. 

F’nofs ix-xahar ta’ Lulju li għadda l-Pulizija fi Bristol irċevew rapporti li kien hemm raġel suspettuż b’bagalja f’idu fuq il-pont. Aktar tard instabet it-tieni bagalja. Barra dak misjub fil-bagalji fuq il-pont, il-pulizija sabet aktar partijiet tal-katavri fl-appartament imsemmi. 

Influwencers magħrufa fost il-vittmi fil-bagalji…

F’Lulju tas-sena l-oħra bdiet investigazzjoni wara li grupp ta’ tfal fl-Arġentina sabu li l-fdalijiet tal-katavru mqatta’ ta’ Fernando Pèrez Algaba, infuwencer miljunarju famuż fil-kamp tal-cryptocurrency li kellu 41 sena. Is-sejba saret minn tfal li kienu qegħdin jilagħbu viċin xmara żgħira. Il-ġisem kien f’bagalja ħamra. 

Il-ġenituri tat-tfal avżaw lill-pulizija ta’ Buenos Aires u waqt spezzjoni tal-bagalja, fiha sabu saqajn u id tal-vittma mentri l-id oħra nstabet fl-ilma. Il-partijiet tal-ġisem ta’ Fernando kienu amputati b’mod tant perfett li hemm suspetti li dan il-qtil sar minn professjonist. Barra minnhekk l-awtopsja sabet li l-vittma kien sofra tliet tiri qabel tqatta’.

Influencer magħrufa ħafna wkoll li sfat maqtula u l-katavru tagħha spiċċa f’bagalja hija Ekatrina Karaglanova, Russa li kienet popolari ħafna fuq Instagram. Hija nstabet mejta b’feriti ta’ sikkina f’appartament li kienet kriet f’Moska. Karaglanova, Hija, li kellha biss 24 sena, kellha aktar minn 85,000 segwaċi fuq Instagram u kienet għadha kemm iggradwat bħala tabiba. 

L-eks sieħeb tagħha kien ammetta li qatilha.

Aktar każijiet… Wieħed mill-agħar huwa ta’ żewġt itfal żgħar

Hawn naraw kif xena ta’ delitt tista’ tippreżenta ruħha f’kull tip ta’ forma u daqs. F’Awwissu tal-2022 familja fi New Zealand xtraw oġġetti abbandunati minn maħżen meta għamlu sejba makabra ta’ fdalijiet ta’ żewġt itfal moħbija f’bagalji. Il-pulizija qalu li l-vittmi, Yuna u Mino Jo, kienu ilhom mejta madwar erba’ snin qabel ma nstab il-ġisem bla ħajja tagħhom f’Auckland. 

L-omm taż-żewġt itfal kienet arrestata fil-Korea t’Isfel fejn ġiet estradita lura lejn New Żealand. Hija ġiet akkużata bil-qtil u l-ġuri tagħha huwa mistenni li jsir f’Settembru tas-sena d-dieħla. Huwa mifhum li dawn il-vittmi żgħar kellhom sitt u tmien snin rispettivament meta nqatlu.

Sfortunatament, delitti bħal dawn iseħħu b’mod regolari. Dawn is-sejbiet huma ta’ sfida għall-pulizija li jkunu qegħdin jinvestigaw id-delitt u huwa proprju hawn li l-qasam forensiku jgħin ħafna. 

Il-kamp tal-forensika huwa mimli każijiet ta’ katavri misjuba f’bagalji, basktijiet, kontenituri tal-iskart, bagolli ta’ karozzi, fridges u freezers. Eżempju ta’ tali sejbiet huma bagalja b’katavru fi stazzjon tal-ferroviji bieżla f’Tokyo fl-2015. Bagalja oħra nstabet f’bajja f’Seattle fl-2020 u fl-2019 kien hemm każ ieħor ta’ fdalijiet umani f’bagalja li tħalliet fi triq maġġuri fin-Nofsinhar tal-Awstralja. 

Qattiela b’laqam relatat mal-bagalji

Wieħed mill-aktar qattiela magħrufa għal dan it-tip ta’ delitt huwa Steven Mark Zelich li ngħata l-laqam  mill-midja tal-“Wisconsin Suitcase Murder”. Dan l-eks uffiċjal tal-pulizija Amerikan qatel żewġ persuni – wieħed f’Wisconsin u l-ieħor f’Minnesota bejn l-2012 u l-2013. 

Zelich, li ammetta għal dawn il-qtil, huwa magħruf li jarmi l-katavri tal-vittmi tiegħu f’bagalji u mbagħad jitlaqhom fit-triq. It-tattika ta’ dan il-qattiel kienet li jistieden fuq pjattaforma online lill-vittmi tiegħu għal sessjonijiet erotiċi, jiltaqa’ magħhom u joqtolhom. Iż-żewġ vittmi kienu Jenny Gamez ta’ 19-il sena u Laura Simonson ta’ 37 sena. Zelich ġie arrestat fis-27 ta’ Ġunju tal-2014.

Imbagħad, insibu l-qattiela mara Melanie McGuire, li wkoll ingħatat laqam b’rabta mall-fatt li ħbiet lill-vittma tagħha f’bagalja. Din l-eks infermiera Amerikana ġiet akkużata u misjuba ħatja għall-qtil tar-raġel tagħha, missier iż-żewġt uliedha subien.

Skont ma ntqal fil-qorti fil-lejl tal-omiċidju McGuire tat lil żewġha xi pilloli tal-irqad u sparatlu. Imbagħad hija qattgħet il-katavru tal-vittma u poġġiet il-fdalijiet tiegħu fi tliet bagalji li abbandunat f’bajja. Fil-5 ta’ Mejju 2004 instabet f’wiċċ l-ilma l-ewwel bagalja li kien fiha saqajn umani; it-tieni u l-akbar bagalja nstabet fil-11 ta’ Mejju u fiha kien hemm ir-ras li kellha ġerħa ta’ balla waħda u t-torso. Mentri, it-tielet bagalja kien fiha l-idejn li wkoll instabet f’wiċċ l-ilma ħdejn il-pont ta’ Chesapeake Bay. 

Qatel seba’ persuni u żewġt itfal minn tagħhom… 

Tliet vittmi nstabu f’bagalji viċin xmara

Każ multiplu ieħor ta’ katavri moħbija f’bagalji huwa l-“Mistero Murders” li wkoll kellhom il-lixka f’siti online. Il-qattiel kien Nikos Metaxas li ħames mis-seba’ vittmi tiegħu sar jafhom fuq pjattaformi onine. Iż-żewġ vittmi l-oħra kienu wlied żewġ vittmi adulti minn tiegħu. 

Il-fdalijiet tal-vittmi nstabu fuq perjodu ta’ tliet xhur lura fl-2019. Dan wara li għargħar mhux tas-soltu wassal għas-sejba tal-ewwel vittma Mary Rose Tiburicia f’xaft ta’ minjiera ħdejn il-villaġġ ta’ Mitsero. Katavru ieħor instab f’Orounta mentri tliet vittmi oħra kienu mpoġġija f’bagalji u mormija viċin Mitsero f’Red Lake.  

Il-vittma qatt ma ġiet identifikata…

Magħrufa bħala “Peaches” minħabba tattoo

“Peaches” jew “It-tfajla bit-tattoo ħawħa” jew “Jane Doe Numru 3” huwa torso ta’ tfajla li qatt ma ġiet identifikata. Dan instab f’bagalja sewda fit-28 ta’ Ġunju tal-1997 f’Lakeview, New York ħdejn il-Hempstead Lake Park. Ras il-vittma kienet maqtugħa barra u qatt ma nstabet. Fuq sidirha kellha tattoo ta’ ħawħa migduma f’forma ta’ qalb. 

F’Diċembru 2016 instab aktar għadam f’Long Island li fl-2011 ġew ikkonfermati bħala parti mill-katavru ta’ Peaches. Din hija maħsbuba li hija waħda mill-vittmi tal-qattiel serial ta’ Long Island.

Tqatta’ fi tmien biċċiet

… Il-pulizija tat lill-midja ritratt ta’ ras il-vittma

Bernard Michael Oliver kien żagħżugħ Ingliż, ħaddiem f’maħżen minn North London li għeb fis-6 ta’ Jannar 1967. Il-fdalijiet tiegħu nstabu għaxart ijiem wara fil-vlaġġ ta’ Tattingstone, Suffolk. 

Ġismu tqatta’ fi tmien biċċiet misjuba mqassma f’żewġ bagalji. Dan huwa magħruf bħala t-“Tattingstone Suitcase Murder” u ġibed l-attenzjoni tal-midja kemm minħabba li l-pulizija ma setgħux jidendifikaw il-vittma, kif ukoll dawn waslu biex taw lill-midja ritratt ta’ ras il-vittma. 

Dan il-każ qatt ma kien ġie solvut.

IN CUT OUT PLS MUST

Serje ta’ qtil b’vittmi mormija f’boroż tal-iskart suwed

… Każ magħruf fi New York fis-snin sebgħin

Tajjeb li nsemmu l-“Bag Murders”, serje ta’ qtil li fihom sitt irġiel bejn l-1975 u l-1977, inqatlu fil-belt ta’ New York. Il-katavri nstabu mqatta’ u mormija f’boroż tal-iskart suwed li wara ġew mormija fix-xmara Hudson. L-identitajiet tal-vittmi, kif ukoll tal-qattiel, qatt ma ġew stabbiliti. Dan il-każ u avvenimenti oħra li seħħu warajh kellhom impatt qawwi fuq il-komunità tal-persuni gay.

F’dawn is-sentejn għadd ta’ boroż suwed b’partijiet ta’ iġsma umana dehru f’wiċċ ix-xmara Hudson. Fl-investigazzjonijiet is-sitt vittmi kienu lebsin ħwejjeġ partikolari fejn ġie determinat li dawn inxtraw minn ħanut tal-ġilda fil-villaġġ ta’ Greenwich fin-Nofsinhar ta’ Manhattan. Din iż-żona kienet popolari fost persuni omosesswali u mimlija ħwienet tax-xorb għalihom. Kien għalhekk li l-pulizija assumew li l-vittmi kienu omosesswali wkoll. 

Paul Bateson, residenti fi Greenwich, kien arrestat fuq il-qtil tar-reporter Addison Verrill. Tul il-proċeduri kien hemm xhud li kixef li Bateson kien ammetta miegħu li qatel u qatta’ sitt irġiel omosesswali  u li kien rema’ l-fdalijiet tagħhom fix-xmara msemmija. Minkejja dan, ebda akkużi fir-rigward ma nħarġu kontra Bateson li weħel biss 20 sena ħabs għall-qtil ta’ Verrill. 

Min-naħa tiegħu Bateson fil-ħabs dejjem ċaħad li kien involut fil-“Bag Murders”.

Sport