Il-MONEYVAL sabet progress sinifikanti f’Malta, li rnexxielha tilħaq l-istennija ġenerali li l-pajjiżi jkunu indirizzaw il-biċċa l-kbira jekk mhux kollha tan-nuqqasijiet ta’ konformità teknika wara l-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka, fi żmien sentejn.
Dan ħareġ ċar mir-rapport annwali għas-sena 2021 li jevalwa l-azzjonijiet li ttieħdu f’34 ġuriżdizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li kienu soġġetti għall-monitoraġġ tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2021 f’dawk li huma miżuri kontra l-ħasil ta’ flus u iffinanzjar tat-terroriżmu.
Skont l-istess rapport, Malta kisbet konformità sħiħa ma’ 12 mill-40 Rakkomandazzjoni tal-FATF filwaqt li ħlief għal xi nuqqasijiet minuri fl-implimentazzjoni ta’ 28 Rakkomandazzjoni oħra Malta instabet “konformi fil-biċċa l-kbira” tagħhom u b’hekk pajjiżna m’għadux klassifikat bħala “mhux konformi” jew “parzjalment konformi”.
Skont il-proċeduri ta’ MONEYVAL, ir-rapport ta’ segwitu jistudja r-riformi leġiżlattivi, regolatorji u istituzzjonali, u ma jevalwax il-grad sa fejn ir-riformi implimentati ġew implimentati b’mod effettiv. Malta bħalissa tinsab fil-proċess tal-“elenkar” tal-FATF, li qed jirrevedi l-effettività tal-miżuri implimentati minn Malta.