L-aġenzija Moody’s ikkonfermat ir-rating ta’ A2 għall-ekonomija Maltija imma tejbet il-prospetti tagħha għal “stabbli”.
Moody’s tat tliet raġunijiet għal din il-bidla ta’ kif tħares lejn l-ekonomija lokali:
- Id-diversifikazzjoni tal-ekonomija li qed twassal għat-tkabbir tagħha minkejja s-sitwazzjoni dinjija
- It-tisħiħ tas-sitwazzjoni finanzjarja minkejja l-kriżi fis-sitwazzjoni tal-enerġija
- It-tneħħija ta’ Malta mil-lista l-griża tal-FATF li tixhed l-impenn tal-awtoritajiet fejn jidħlu r-riformi istituzzjonali.
L-aġenzija tgħid li l-konferma tar-rating tal-A2 tibbilanċja l-ekonomija Maltija li hija b’saħħitha u qed tikber. Tant hu hekk li l-aġenzija qiegħda tbassar tkabbir ekonomiku ta’ 6% għal din is-sena. Barra minn hekk hija rrimarkat li ż-żieda fid-domanda domestika u l-esportazzjoni tas-servizzi għenu lill-pajjiż jirkupra mill-pandemija.
Innutat ukoll żieda fit-turiżmu li wassal għal żieda fil-konsum privat u li filwaqt li r-rota ekonomika kompliet iddur komplew jinħolqu l-opportunitajiet ta’ impjiegi.
Fir-rapport tagħha, Moody’s tisħaq fuq il-ħtieġa li Malta tkompli tikkontrolla d-dejn u d-defiċit biex tassigura li żżomm jew ittejjeb ir-rating attwali.
Il-PM jtenni l-impenn tal-gvern li jibqa jgħin quddiem l-isfidi
Intant, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-bidla fit-tbassir ta’ Moody’s għar-rating ta’ Malta u qal li dan juri li d-diversifikazzjoni f’pajjiżna se twassal għal aktar tkabbir fl-ekonomija, minkejja l-isfidi li qed taffaċċja d-dinja kollha.
Huwa tenna li l-finanzi pubbliċi se jitjiebu anki jekk il-Gvern qed jiddedika għajnuna sostanzjali biex jissapporta l-familji u n-negozji.