“L-annimali tpoġġew fuq din id-dinja, bħalma tpoġġejna aħna. Huwa moralment ħażin li l-bniedem jisfrutta l-pożizzjoni dominanti li għandu u ma jirrispettax lill-annimali, li fuq kollox iħossu uġigħ, dwejjaq u ferħ bħal bniedem. L-annimali domestiċi huma parti mill-familja tagħna u dawk mhux domestiċi ukoll għandna nieħdu ħsiebhom u naraw li ma jkun jonqoshom xejn.”
Qalet dan il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina f’intervista ma’ Talk.mt wara li l-ġimgħa li għaddiet grupp ta’ attivisti favur il-ħarsien tal-annimali pprotestaw quddiem il-Parlament bit-tama li jsiru bidliet fil-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-annimali.
Diversi attivisti ġarrew kartelluni ta’ protesta fejn kien hemm kliem ta’ kritika lejn l-awtoritajiet li ċerti wegħdiet li kellhom jitwettqu qatt ma ġew attwati filwaqt li ressqu xi suġġerimenti sabiex ċerti affarijiet jiġu mogħtija aktar kunsiderazzjoni.
Skont dawn l-istess attivisti, dawn is-suġġerimenti jistgħu jagħtu aktar drittijiet lill-annimali li m’għandhomx vuċi filwaqt li talbu li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina jkollha l-poteri sabiex twettaq dawn il-proposti mressqa. In-nies li nġabru għal din il-protesta kollha għandhom għal qalbhom l-annimali u għalhekk saħqu li d-drittijiet u l-ħarsien tagħhom jiġu verament salvagwardjati.
Dan is-sit tkellem ma’ Alison Bezzina nnifisha li stqarret li minkejja li hi l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, m’għandiex is-setgħa li twettaq jew timplimenta r-rakkommadazzjonijiet li tagħmel. Dan irid isir mill-Ministeru kkonċernat.
𝗟-𝗶𝗿𝘄𝗼𝗹 𝘁𝗮𝗹-𝗞𝘂𝗺𝗺𝗶𝘀𝘀𝗮𝗿𝗷𝘂 𝗵𝘂𝘄𝗮 𝘄𝗶𝗲ħ𝗲𝗱 𝗸𝗼𝗻𝘀𝘂𝗹𝘁𝗮𝘁𝘁𝗶𝘃, 𝗹𝗶 𝗷𝗳𝗶𝘀𝘀𝗲𝗿, 𝗶𝗹𝗹𝗶 𝗱𝗮𝘄𝗸 𝗶𝘀-𝘀𝘂ġġ𝗲𝗿𝗶𝗺𝗲𝗻𝘁𝗶 𝘂 𝗿𝗮𝗸𝗸𝗼𝗺𝗮𝗻𝗱𝗮𝘇𝘇𝗷𝗼𝗻𝗶𝗷𝗶𝗲𝘁 𝗹𝗶 𝗷𝗸𝘂𝗻𝘂 𝘀𝗮𝗿𝘂 𝗺𝗶𝗹𝗹-𝗞𝘂𝗺𝗺𝗶𝘀𝘀𝗮𝗿𝗷𝘂, i𝗸𝘂𝗻𝘂 𝗷𝗿𝗶𝗱𝘂 𝗷𝗶ġ𝘂 𝗮ċċ𝗲𝘁𝘁𝗮𝘁𝗶 𝘂 i𝗺𝗽𝗹𝗶𝗺𝗲𝗻𝘁𝗮𝘁𝗶 𝗺𝗶𝗹𝗹-𝗠𝗶𝗻𝗶𝘀𝘁𝗲𝗿𝘂 𝗴ħ𝗮𝗹𝗹-𝗔𝗴𝗿𝗶𝗸𝗼𝗹𝘁𝘂𝗿𝗮 𝗷𝗲𝘄 𝗮𝘄𝘁𝗼𝗿𝗶𝘁𝗮𝗷𝗶𝗲𝘁 𝗼ħ𝗿𝗮𝗷𝗻. 𝗜𝗹-𝗞𝘂𝗺𝗺𝗶𝘀𝘀𝗮𝗿𝗷𝘂 𝗺’𝗴ħ𝗮𝗻𝗱𝗵𝗮 𝗹-𝗲𝗯𝗱𝗮 𝘀𝗲𝘁𝗴ħ𝗮 𝗯𝗶𝗲𝘅 𝘁𝗶𝗺𝗽𝗹𝗶𝗺𝗲𝗻𝘁𝗮 𝗯𝗶𝗱𝗹𝗮 𝗵𝗶 𝘀𝘁𝗲𝘀𝘀.
“Ikun hemm diversi talbiet li jiġu milqugħa mill-Ministeru iżda jdumu biex jiġu attwati. Jien min-naħa tiegħi għamilt diversi rakkomandazzjonijiet b’kollox 18-il waħda u s’issa tnejn biss ġew implimentati. Kważi kollha ġew approvati fil-prinċipju imma kollha għadhom qedin fil-proċess li jitwettqu.”
Bezzina qaltilna li xi proposti huma bażiċi u kruċjali u li bl-għajnuna tal-awtoritajiet konċernati jistgħu jsiru realtà jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed.
“Hemm bżonn li jkun hemm servizz ta’ emerġenza adegwat għall-annimali u li jkun immexxi minn persuni li jafu sew dan it-tip ta’ xogħol filwaqt li jiġi pprovdut taħriġ adegwat u jingħataw l-għodda adegwata biex jaħdmu.”
“L-ambulanza tal-annimali għandha tkun fuq il-post fi ftit minuti mhux ikun hemm dewmien eżaġerat li xi kultant jaf ikun fatali. Min isuq l-ambulanza jew inkella nies li jkunu hemm ikunu jafu x’inhuma jagħmlu u li jagħmlu minn kollox biex isalvaw u jgħinu annimal fil-bżonn.”
Bezzina qalet li hemm bżonn ukoll li jkun hemm post ikbar u adegwat sabiex annimali li jinstabu fit-triq jew li jiġu kkonfiskati jkunu jistgħu joqogħdu hemm bl-aqwa kumdita’ possibbli.
Xi rakkomandazzjonijiet li Bezzina ressqet lill-awtoritajiet konċernati jinvolvu wkoll l-kampanja ta’ neutering li tkun kontinwa sabiex jonqsu l-qtates li jispiċċaw barra fit-triq. Dawk il-persuni li jmorru jitimgħu l-qtates ta’ barra għandhom jingħataw aktar għajnuna forsi wkoll waħda finanzjarja meta jiġu biex imorru għand veterinarju. Fl-istess waqt għandu jkun hemm multi aktar ħorox għal min jikser il-liġi.
Barra minn hekk hemm problema rigward it-teħid ta’ annimali minn sidhom jekk dawn ikun hemm evidenza li qed jiġu trattati ħażin. Hi tgħid li m’hemmx spazju fejn ikun hemm aktar annimali f’postijiet partikolari. Dawn huma kollha problemi li għandhom jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr speċjalment sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-annimali.
Insaqsu lil Alison Bezzina kemm il-Maltin huma konxji mid-drittijiet tal-annimali u kemm hu importanti li jħarsuhom speċjalment jekk huma s-sidien ta’ xi wieħed minnhom.
“Jien ngħid li llum il-ġurnata hawn iktar informazzjoni u żdiedet il-kuxjenza favur id-drittijiet tal-annimali. Fil-passat jien personali li nħobb ħafna l-annimali meta kont nitkellem kont inħssni qisni vuċi fil-foresta għax ħadd ma kien jagħti kasek. Madankollu llum il-ġurnata nafu li l-annimali kollha għandhom dritt għal ħajja diċenti u xierqa. Jonqos biss li r-regoli jiġu attwati aħjar għax sfortunatament għadek issib każijiet fejn in-nies ma jittrattawx sew l-annimali.”
“Naħseb li n-nies indunaw ukoll li meta wieħed iġib annimal, dan mhux se jibqa’ ċkejken, se jikber u għalhekk jinvolvi aktar responsabbiltà.”
Alison Bezzina tgħid li parti mir-rwol tagħha bħala kummissarju għal-ħarsien tal-annimali hu li teduka lin-nies u tressaq proposti lill-awtoritajiet sabiex ċerti regoli jiġu attwati u eventwalment id-drittijiet tal-annimali jitjiebu dejjem aktar. Hi tgħid li tħobb tiddjaloga man-nies, tfiehemhom u tara x’jista’ jsir sabiex il-ħbieb tagħna (kif issejħilhom hi) ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.