Sunday, December 22, 2024

Mosti akkużat li kkaġuna biża’ fuq omm bintu

Aqra wkoll

Josef Xerri ta’ 29 sena residenti l-Mosta tressaq il-Qorti nhar is-Sibt li għadda fejn ġie akkużat li fl-24 u fil-25 ta’ April li għadda meta kien f’Ħaż-Żabbar u anke postijiet oħrajn ikkaġuna biża’ lill-eks sieħba li tiġi wkoll omm bintu.

Hu ġie akkużat ukoll li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li heddidha, li ndaħal fi ħwejjiġha u li uża ħażin tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika.

Aktar minn hekk hu ġie akkużat ukoll li ħebb għal 10 uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll m’obdiex l-ordinijiet tagħha, li rreżista lil 6 pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation li ngħatat mill-Qorti f’Ġunju tas-sena l-oħra.

Xerri fil-Qorti filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi qal li bħalissa ma jaħdimx. L-avukat tal-għajnuna legali Martina Herrera li dehret għal Xerri talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba diversi raġunijiet.

L-Ispettur Audrey Micallef qalet li fost l-oħrajn qed toġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest minħabba wkoll li dan ma kienx inċident ta’ darba mal-eks sieħba tiegħu u dan kien diġà t-tliet rapport li sar din is-sena.

Skont dak li qalet il-Prosekuzzjoni, l-argument seħħ hekk kif Xerri mhux qiegħed jaċċetta li jtemm ir-relazzjoni ma’ omm bintu u anke riditu jitlaq mid-dar iżda hu oġġezzjoni għax qal li m’għandux fejn joqgħod.

L-avukat difensur qalet li Xerri jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest se jkun qiegħed jgħix ma’ nanntu fil-Ħamrun u żgur li mhux se jaħrab mill-pajjiż hekk kif għandu żewġt itfal żgħar.

Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jibqa’ jinżamm fil-Ħabs ta’ Kordin.

Ekonomija

Sport