Tuesday, May 21, 2024

Il-Pulizija fl-Istati Uniti jarrestaw lid-dimostranti li okkupaw il-kampus ta’ università

Aqra wkoll

Għadd kbir ta’ pulizija fis-sigħat li għaddew daħlu fil-kampus tal-Università ta’ Columbia fil-belt ta’ New York biex jevakwaw binja li kienet okkupata minn studenti li huma favur il-Palestinjani u sussegwentement arrestawhom.

Il-Pulizija daħlu fil-Hamilton Hall mit-tieqa tat-tieni sular minn fuq sellum ta’ trakk. Meta daħlu fuq ġewwa, dawn immanettjaw lill-istudenti u skortawhom ‘il barra fil-vannijiet tal-pulizija li kien hemm fuq il-post. 

Is-sala kienet okkupata sa minn kmieni filgħodu mid-dimostranti li wegħdu li se jiġġieldu kwalunkwe żgumbrament. Huma kienu qed jipprotestaw kontra l-għadd ta’ mwiet li qiegħed dejjem jiżdied f’Ġaża. 

L-azzjoni tal-pulizija saret wara li dawk l-amministraturi tal-universitajiet madwar l-Istati Uniti kienu ilhom ġimgħat sħaħ jitħabtu biex iwaqqfu milli jsiru dawn id-dimostrazzjonijiet.

F’ittra indirizzata lid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ New York, il-president tal-Università ta’ Columbia, Minouche Shafik qalet li l-okkupazzjoni tal-università kienet qed titmexxa minn “individwi li mhumiex affiljati mal-Università” u talbet “l-għajnuna tal-NYPD biex tneħħi lill-individwi kollha minn Hamilton Hall u mill-postijiet l-oħra kollha li kien hemm okkupati fil-kampus.”

Hija talbet ukoll lill-pulziija biex tibqa’ fuq il-kampus minn tal-inqas sas-17 ta’ Mejju li ġej “biex tiżgura li ma jerġgħux isiru prostesti oħra simili.” Sadanittant, il-President Amerikan Joe Biden ikkritika bil-qawwa l-okkupazzjoni ta’ Hamilton Hall fejn qal li “l-approċċ kien totalment ħażin.” “Dan mhux eżempju ta’ protesta paċifika,” huwa ġie kkwotat jgħid. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport