Monday, December 9, 2024

Mountain Bike: Luke Borg u Marie Claire Aquilina jirbħu l-ogħla unuri tal-ġurnata 

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike għalqet il-kalendarju tat-tiġrijiet tagħha għas-sena 2024 meta nhar il-Ħadd filgħodu organizzat il-ħames u l-aħħar tellieqa taċ-Cisk 0.0 National Point Series ġewwa l-Park tal-Majjistral.  

Fil-finali tas-Serje, Luke Borg ħareġ rebbieħ tal-Kategorija Elite, billi żamm postu fuq quddiem matul it-tellieqa. Madankollu, id-dominanza tiegħu kienet sfidata mill-qrib minn Etienne Bonello, Mark Bonnici u Antoine Sultana. Sfortunatament, Bonnici kellu jirtira wara t-tielet dawra minħabba problema mekkanika. Il-podju finali kien magħmul minn Borg, Bonello, u Antoine Sultana. 

Fil-Kategorija tan-Nisa, Marie Claire Aquilina wriet prestazzjoni superjuri bħal dejjem, fejn spiċċat fl-ewwel post quddiem Diana Muscat u Lara Buttigieg, li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. 

Fil-Kategorija Sport, Robert Grech rebaħ l-ewwel post, segwit minn Josmar Vella u Mantas Stokus fit-tielet post. 

Il-Kategorija tal-40+ kienet waħda mill-aktar kompetittivi, bi Joaquin Rojas jieħu l-ewwel post, segwit minn Liran Ben-Ari u Alex Portelli. 

Stephen Grima rebaħ il-Kategorija tal-50+, b’Carmelo Abela u Federico Sermarini jgħaqqdu l-podju fit-tieni u t-tielet post rispettivament. 

Il-Kategorija tal-E-Bike ġiet mirbuħa minn Bernard Sammut, segwit minn Paul Muscat u Robert Magro. 

Fil-Kategoriji tal-Junior, James Vassallo rebaħ il-Kategorija U19 Boys, filwaqt li Ryan Gatt ħa l-ewwel post fil-Kategorija U17 Boys. 

Fil-Kategorija U15 Boys, Neil Cassar kiseb l-ewwel post fuq il-podju, segwit minn Liam Daly u Jake Refalo. Fil-Kategorija U15 Girls, Nina Debono kisbet l-ewwel post, b’Kim Micallef Cann u Katie-Anne Vella Wood jispiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. 

Fil-Kategorija U12 Boys, Zack Saliba ħareġ rebbieħ, bi Zac Bugeja u Kruiven Farrugia jikkompletaw il-podju. Mickaya Fava rebħet il-Kategorija tal-U12 Girls. 

Klassifika Ġenerali 

Il-Klassifika Ġenerali tas-Serje kienet determinata fuq il-punti miġbura minn kull kompetitur fl-aqwa erba’ tlielaq mill-ħamsa fis-Serje. Dan il-format ippermetta lill-parteċipanti jnaqqsu t-tellieqa bl-inqas punti, u b’hekk jiġi rikonoxxut l-konsistenza matul l-istaġun. 

Ir-rebbieħa overall tal-Kategoriji taċ-Cisk National Point Series tal-2024 kienu: Anchu Kogl (Elite), Josmar Vella (Sport), Joaquin Rojas (40+), Stephen Grima (50+), Diana Muscat (Nisa), Robert Magro (E-Bike), James Vassallo (U19 Boys), Ryan Gatt (U17 Boys), Neil Cassar (U15 Boys), Nina Bugeja (U15 Girls), Zac Bugeja (U12 Boys), Mickaya Fava (U12 Girls) u Nick Said (Fun Ride). 

Matul it-tellieqa tal-Ħadd, il-Malta Mountain Bike Association ospitat mistieden speċjali Paolo Alberati, ċiklist professjonali tal-MTB u tar-roti li issa qed jiffoka fuq il-kowċing. Alberati kien preżenti għall-preżentazzjoni tal-midalji. 

Il-President tal-Malta Mountain Bike Association, Pierre Zammit Endrich, irrimarka fuq staġun ta’ suċċess u qal: “Għal darb’oħra, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike ospitat kalendarju impenjattiv għall-komunità tagħna,  li tkompli tikber. Kien unur li nilqgħu lil Paolo Alberati, li hu rispettat ħafna,  għat-tiġrija finali, u żgur li l-membri tagħna kienu ħerqana li jiltaqgħu ma’ dan iċ-ċiklist. Issa nħarsu ’l quddiem għal ftit mistrieħ qabel ma nibdew nippreparaw għall-istaġun tal-2025.” 

Il-Malta Mountain Bike Association tirringrazzja lil-Farsons, permezz taċ-Cisk 0.0 Award-Winning Alcohol Free Lager u lil voluntiera kollha għall-għajnuna li jgħatu matul is-sena.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport