Saturday, December 21, 2024

MPFSA: Wara Joseph Muscat qed jissemma wkoll l-isem ta’ Jean Claude Micallef

Aqra wkoll

Hekk kif matul din il-ġimgħa, isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li jimpenja ruħu fil-Premier Malti qajjem interess kbir, fejn bosta clubs ħassew ukoll il-pressjoni billi sostnew li din tbiegħed mill-iskop ewlieni għaliex il-Malta Professional Football Clubs Association ġiet maħluqa … li tissegrega l-Premier mir-responsabbiltajiet tal-MFA waqt li ssaħħaħ l-introjtu u l-istrutturi tal-clubs.

F’intervista riċenti l-President ta’ Floriana, Johann Said, qal li fost ismijiet li l-clubs qed jaraw li t-tmexxija tal-Premier tkun fdata lilhom, issemma’ Jean Claude Micallef li huwa eks xandar u eks Membru Parlamentari li fiċ-ċrieki tal-football iħaddan rispett notevoli.

Micallef qed jiġi meqjus bħala isem li jġib kunsens bejn ammont ta’ clubs tal-Premier Malti.

Jean Claude Micallef, għandu rabta aktar mill-qrib hekk kif kien amministratur ma’ Sliema Wanderers FC u anke ġie fdat biex jippilota bħala parti minn kumitat il-qalba minn Standing Committee għal entità awtonoma.

Sadanittant, għadu mhux ċar jekk l-MPFCA hux se tiddeċiedi jekk timxix mal-istatut hu b’hekk iżżomm rotazzjoni ta’ presidenza waqt li l-clubs jaħtru kap eżekuttiv jew kif qed jiġi rrapurtat jinħatar chairman minn barra l-Premier u tingħata direzzjoni ġdida.

Kemm Jean Claude Micallef kif ukoll Joseph Muscat ma lissnu l-ebda pożizzjoni anke jekk sorsi jsostnu li Muscat iddikjara li jikkunsidra biss il-kariga ta’ chairman jekk ikollu vot unanimu waqt li Micallef saħaq li dejjem iddiskuta kariga ta’ kap eżekuttiv ma’ clubs u mhux ta’ chairman.

Dan huwa xenarju li jista jiżvolġi wkoll f’sitwazzjoni fejn it-tnejn jerġgħu jaħdmu mill-ġdid fl-ogħla diviżjoni tal-football Malti.

Is-sitwazzjoni għadha waħda fluwida u x’se jseħħ għad irridu naraw fil-jiem li ġejjin.

Ekonomija

Sport