Żagħżugħ Taljan ta’ 20 sena tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn li għadda quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fejn ġie akkużat li volontarjament jew b’negliġenza għamel ħsara fuq it-taraġ ta’ Kastilja.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Gabriel Micallef u l-Ispettur Kevin Pulis, megħjuna mill-Avukati Ramon Bonett Sladden u Nicholas de Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalet fil-Qorti li fil-lejl tad-9 ta’ Settembru, uffiċjali tal-Pulizija li kienu stazzjonati mal-Berġa ta’ Kastilja innutaw żagħżugħ jipprova jwettaq att ta’ vandalu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat, Vittorio Emanuele Savoia, tela’ t-taraġ, fejn qagħad jieħu r-ritratti u l-filmati, bil-konsegwenza li baqa’ nieżel bl-istess scooter tal-kiri. Kien f’dak il-waqt li kkaġuna ħsara fit-taraġ ta’ Kastilja. Il-Pulizija min-naħa tagħha segwiet lil Savoia.
L-imputat ta ruħu volontarjament wara li ġie infurmat li jinsab imfittex mill-Pulizija.
Il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat li l-akkużi tal-Prosekuzzjoni jammontaw għal iktar minn €1,000. Il-Prosekutur Ramon Bonett Sladden spjega li l-akkużi nħarġu fi żmien meta d-danni kienu stmati li jaqbżu l-€1,000, iżda kkonferma li l-ammont attwali kien sussegwentement ġie stabbilit li hu ta’ €400.
L-Ispettur Kevin Pulis informa lill-Qorti li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kienet irċeviet €400 mingħand l-imputat li koprew il-ħsara kollha kkawżata.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-ewwel żewġ akkużi ġew sottomessi, u kkundannat lil Savoia sena ħabs sospiża b’sena, flimkien ma’ multa ta’ €2,400 li minnhom tnaqqset is-somma ta’ €400 li kienet tħallset diġà mill-imputat.