Saturday, May 4, 2024

Multa ta’ €2,500 għal raħħal li ħalla baqra tbati

Aqra wkoll

Raġel ta’ 32 sena mill-Fgura, li jaħdem bħala raħħal ġie ordnat mill-Maġistrat Nadine Sant Lia iħallas multa ta’ €2,500 fi żmien sena. Dan wara li l-Qorti, sabitu ħati li ħalla baqra tbati u kkunsidrata bħala moħqrija fuq l-annimali fejn din spiċċat biex mietet.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elliot Magro spejgat kif Robert Attard kien mixli li wettaq dan fil-25 ta’ Lulju ta’ ħames snin ilu. Fix-xhieda tagħha, veterinarja li taħdem mal-Animal Welfare Unit spjegat li marret fir-razzett fuq sejħa ta’ emerġenza minħabba li l-baqra ma setgħetx toqgħod fuq saqajha.

Hi sabet li l-baqra kienet qed tbati u fil-fehma tagħha kienet feruta. Sostniet li minkejja l-feriti, hija ma setgħetx tinviżtaha sew minħabba l-aġir tal-akkużat. Il-veterinarja qalet fil-Qorti li minħabba l-kundizzjoni tal-baqra din lanqas ma kienet tajba biex tinqatel għall-ikel.

Hija żiedet li l-baqra tal-akkużat setgħet ssofri minn ksur ta’ għadam jekk ma tingħatax supplimenti apposta. Kompliet tgħid li hija riedet traqqad lill-baqra biex ma tkomplix issofri imma l-akkużat ma riedx u insista li jżomm il-baqra sakemm jgħaddilha. Żiedet tgħid li għalhekk ma kelliex għażla oħra, għajr li tirraporta lir-raħħal, sakemm eventawlment dan jidher il-Qorti.  

Min-naħa tagħha, id-Difiża sostniet li Attard ma kellux intenzjoni li jara lill-baqra tbati u ried li tfiq. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Sant Lia li pprosediet il-każ, qalet li jirriżulta li l-annimal kien qed ibati u li l-akkużat injora għal kollox l-istruzzjonijiet u ħalliha mingħajr kura tant li mietet ġimgħa wara. 

Meta qieset kollox il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda dubju li l-baqra sofriet ħafna kawża tal-atteġġament tal-akkużat

Sport