Saturday, December 14, 2024

“Mument perikoluż ħafna fil-gwerra tal-Ukrajna”

Aqra wkoll

L-Erbgħa filgħodu l-President Russu Vladimir Putin indirizza lill-poplu Russu dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Xi nbidel bid-diskors tiegħu?

Qed issir iżjed perikoluża l-gwerra kolonjali tar-Russja kontra l-Ukraj­na. Il-President Russu Putin ħa jibgħat 300,000 suldat ieħor u wissa li lest juża kull arma (ried jinftiehem ċar, anki dik nukleari) malli tiġi attakkata r-Russja li se tinkludi wkoll dawk l-artijiet Ukreni li diġà rebaħ fl-aħħar seba’ xhur.

Hawn Mexxejja Ewropej li qed jgħidu li m’għandux jittieħed bis-serjetà għax hedded hekk qabel. M’iniex ċert li qegħdin ikunu għaqlin dawn il-mexxejja jitkellmu hekk. Naħseb għandna nieħdu bis-serjetà qabel ikun tard wisq. Mhux biex inċedu għal xi rikatt nukleari iżda biex insalvaw il-poplu Ukren u lil hinn minnu minn tbatija ikbar bla nħallu lil Putin jerġa’ jirxoxta l-Imperu Russu.

Mill-aħħar gwerra dinjija sal-lum, qatt kien hemm sitwazzjoni bħal din fejn żewġ qawwiet nukleari ffaċċjaw lil xulxin fi gwerra diretta?

Evarist Bartolo: Iva. 60 sena ilu. Aktarx li tal-lum iżjed perikoluża. Wara 77 sena minn meta l-Istati Uniti tefgħet l-ewwel bombi atomiċi fuq Hiroshima u Nagasaki, qiegħda tiżviluppa sitwazzjoni fejn ir-Russja tista’ tiddeċiedi li tuża armi nukleari tattiċi, ta’ daqs iżgħar, imma xorta se nkunu rsaqna iżjed fil-qrib tax-xifer ta’ gwerra nukleari.

Fiż-żewġ bliet Ġappuniżi żewġ bombi atomiċi biss kienu biżżejjed biex joqtlu 105,000 ruħ u jkorru 94,000 oħra.

60 sena ilu konna f’sitwazzjoni kerha ħafna bħal-lum meta l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika kienu se jidħlu fi gwerra nukleari kontra xul­xin.

Bil-moħbi l-Unjoni Sovjetika bdiet tibni bażi fil-gżira ta’ Kuba biex tpoġġi armi nukleari li jistgħu jilħqu bliet Amerikani.

L-Istati Uniti bir-raġun kollu ħassitha mhedda u wissiet lill-Unjoni Sovjetika li għandha tieqaf u ma tiżviluppax din il-bażi ta’ theddida nukleari għaliha.

Għexna tensjoni kbira bejn is-16 u t-28 ta’ Ottubru 1962 sakemm iż-żewġ naħat laħqu ftehim. Il-gwerra ġiet evitata bi qbil li jiġu rtirati l-missili Sovjetiċi f’Kuba ppuntati lejn l-Istati Uniti u jiġu rtirati l-missili Amerikani fit-Turkija ppuntati lejn l-Unjoni Sovjetika.

Saret il-wegħda li l-Istati Uniti qatt ma tinvadi lill-Kuba. Kien ftehim fejn rebħu ż-żewġ naħat. Rebħet ukoll id-dinja kollha.

Hemm xi tagħlimiet importanti li stajna nitgħallmu mill-kriżi tal-missili f’Kuba li għadhom jgħoddu għall-gwerra fl-Ukrajna?

L-ebda sitwazzjoni storika ma tkun eżatt bħal xi sitwazzjoni storika oħra. Allura dak li titgħallem minn waħda ma jkunx jgħodd kompletament għal sitwazzjoni differenti. Imma dak li nistgħu nitgħallmu mill-kriżi ta’ Kuba ma tgħallimniehx f’dawn l-aħħar 60 sena. Tajna raġun lill-filosfu Ġermaniż Georg Hegel meta jgħid: “L-unika ħaġa li nitgħallmu mill-istorja hija li ma nitgħallmu xejn mill-istorja.”

Din il-kriżi kbira ġiet evitata għax dawk li ħadu d-deċiżjonijiet finali fuq kull naħa għenu lil xulxin isegwu l-parir tal-espert u storiku militari Brittaniku Basil Liddell Hart fil-ktieb tiegħu ‘Deterrent jew Difiża (1960) Parir lil Statisti’:

“Żomm sod, jekk tista’. F’kull każ, ibqa’ kalm. Ara li jkollok paċenzja bla tmiem. Qatt titfa’ lill-avversarju tiegħek f’rokna, u għinu joħroġ mis-sitwazzjoni b’dinjità. Poġġi lilek innifsek fiż-żarbun tiegħu – biex tara l-affarijiet minn għajnejh. Assolutament taħsibx li s-sewwa qaddisa hi fuq in-naħa tiegħek biss – għax dik hija l-iktar ħaġa li tagħmik u ma tħallikx tara sew.”

Nemmen bis-serjetà li kieku dan il-parir ġie segwit mir-Russja, mill-Istati Uniti, min-NATO u mill-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar 30 sena u ġiet evitata li r-Russja tħossha mhedda milli n-NATO tasal ukoll fl-Ukrajna, il-gwerra tal-lum setgħet ġiet evitata. Ir-Russja dejjem ħassitha mhedda li jkollha invażjoni mill-art fejn tinsab l-Ukrajna. 

Minn hemm invadewha Napuljun u Hitler u riedet li ma jkollhiex għadu fl-Ukrajna, eżatt fuq il-fruntiera. Gorbachev u Putin, feroċi kontra xulxin kważi fuq kollox, qablu fuq żewġ affarijiet ewlenin: li l-Krimea għandha tkun tar-Russja u li l-Ukrajna ma tingħaqadx man-NATO. Waqt li għandu jsir arranġament maqbul biex ir-Russja ma tħosshiex mhedda mill-Istati Uniti u n-NATO permezz tal-Ukrajna, żgur li dan ma jistax isir billi jiġi rxuxtat taħt xi forma jew oħra l-Imperu Russu li kien jaħkem lill-Ukrajna u li ntemm fl-1917.

Għaliex ir-Russja tagħti daqshekk importanza lill-Ukrajna?

Għandna nirriflettu tajjeb dwar x’qal Sir John Scarlett li mexxa s-Servizz tas-Sigurtà MI6 tar-Renju Unit bejn 2004 u 2009 wara li r-Russja ħadet lura l-Krimea. Huwa qal li l-kunflitti internazzjonali nifhmuhom biss jekk nagħtu kas b’mod sħiħ it-tamiet, il-biżgħat u l-preġudizzji li jiġu ffurmati mill-istorja u mill-ġeografija tal-individwi, tas-soċjetajiet u tal-pajjiżi. Staqsa: “X’influwenza l-azzjoni tar-Russja fl-Ukrajna? Aħna (il-Punent) nqasna li nintebħu x’ġej? Jekk iva, għala? Sa fejn lesta tasal Moska issa?”

Fil-ktieb tiegħu ‘Priġunieri tal-Ġeografija’, Tim Marshall jgħid: “Kif jista’ jkun li r-Russja qatt taċċetta Ukrajna favur il-Punent, b’ambizzjonijiet li tingħaqad mal-alleanza militari tan-NATO mmexxija mill-Istati Uniti u mal-Unjoni Ewropea, u li ddaħħal fid-dubju kemm ir-Russja tkun tista’ tuża l-Port tal-Baħar l-Iswed (l-uniku port f’baħar li ma jiffriżax? U Ukrajna li xi jum ikollha bażi navali tan-NATO f’xi port tagħha?”

In-NATO tgħid li mhix alleanza militari aggressiva u li teżisti biss biex tiddefendi. Imma wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989 u l-isfaxxar tal-alleanza militari tal-Patt ta’ Varsavja mmexxi mill-Unjoni Sovjetika, kien hemm bżonn li n-NATO tibqa’ teżisti? Jew seta’ sar ħafna xogħol diplomatiku biex tiżżarma hi wkoll u tinbena arkitettura ta’ sigurtà Ewropea biex mill-Portugall sar-Russja tinbena Dar Komuni Ewropea fejn il-pajjiżi kollha jintrabtu li ma jheddux lil xulxin? Issa dan kollu passat u ma nistgħux inġibuh lura. Għandna bżonn Konferenza ġdida għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa kif kellna fl-1975. Suppost li tliet snin oħra konna se niċċelebraw 50 sena mill-kisbiet sbieħ għall-paċi fl-Ewropa bid-Dikjarazzjoni ta’ Helsinki. Dawk il-kisbiet sfaxxaw u rridu nibnu mill-ġdid mir-rovini, mhux l-Ukrajna biss, iżda s-sistema sħiħa ta’ sigurtà u koperazzjoni fil-kontinent Ewropew u lil hinn minnu. Il-feriti fir-relazzjonijiet internazzjonali b’din il-gwerra jinħassu mad-dinja kollha u hemm bżonn jiġu mfejqin jekk irridu nikkoperaw flimkien biex insalvaw lid-dinja u lilna l-bnedmin li ngħixu fiha mill-emerġenza tal-klima li qed iġġib nixfa, għargħar, foresti jaqbdu u deżerti jinfirxu. Qed tonqos l-art li tipproduċi l-ikel u qed tikber il-popolazzjoni tad-dinja. Dan qiegħed u se jġib kunflitti u tbatija fid-dinja.

X’jista’ jsir f’din is-sitwazzjoni diffiċli?

Issa l-kobba tħabblet ħafna u ħafna iżjed. Is-sitwazzjoni hija ferm iżjed perikoluża minn ta’ 60 sena ilu. Il-gwerra ilha għaddejja seba’ xhur. Ir-Russja trid tgħaqqad magħha l-art li diġà rebħet. Ir-Russja ma tridx toħroġ mnejn rebħet u l-Ukrajna ma tridx iċċedi l-art li tilfet. Xi forma ta’ ftehim li jissodisfa liż-żewġ naħat se jkun diffiċli ħafna.

Fil-każ tal-kriżi ta’ Kuba laħqet daħlet id-diplomazija miż-żewġ naħat qabel ma nbeda l-ġlied u biex ma jinqalax il-ġlied. Għall-inqas fl-1962 il-mexxej Amerikan Kennedy u l-mexxej Sovjetiku Kruschev baqgħu jitkellmu ma’ xulxin u għenu lil xulxin joħorġu mill-kriżi bla ma wieħed jew l-ieħor iħossu umiljat u li tilef. Ma kienx faċli għalihom għax fuq kull naha kien hemm “l-isqra” li riedu l-gwerra u mhux il-paċi.

Li nistgħu nagħmlu żgur hu li flok nitfgħu iżjed ħatab fuq in-nar, għandna bżonn li nitfgħu l-ilma biex tieqaf il-gwerra li anki s’issa, bla użu ta’ armi nukleari diġà ġabet ħafna qtil, miljuni ta’ Ukreni kellhom jabbandunaw djarhom, ħruxija u qerda ta’ skejjel, sptarijiet u infrastruttura pubblika Ukrena. Il-periklu nukleari fl-Ukrajna ġej ukoll jekk jiġu bbumbardjati xi wieħed jew iżjed mill-erba’ impjanti b’16-il reattur nukleari li hemm għall-enerġija.

Biex tieqaf il-gwerra l-Ukrajna għandha ċċedi għal dak li jrid Putin?

Paċi vera mhix biss nuqqas ta’ ġlied. Hija paċi jekk tħares is-sovranità anki tal-Ukrajna. Hemm bżonn li jieqfu l-qtil, il-martirju u l-ħruxijiet u l-qerda fl-Ukrajna. Aktar ma titwal il-gwerra, anki mingħajr l-użu ta’ armi nukleari, aktar se jbatu miljuni bl-għoli tal-ħajja u bil-prezzijiet jkissru l-familji u n-negozji fejn il-kumpaniji f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej bdew inaqqsu l-jiem tax-xogħol u jissensjaw il-ħaddiema.

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna biex ikunu jistgħu jgħixu bħala ġirien bla ġlied, sovrani, bit-tnejn ħielsa li jagħżlu l-futur politiku u soċjali u ekonomiku tagħhom imma t-tnejn jifhmu li jridu jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ xulxin u jintrabtu b’garanziji internazzjonali li ma jkunux ta’ theddida għal xulxin. Diffiċli immens li jinkiseb dan wara seba’ xhur gwerra li se teskala. Għax biex jinkiseb irid ikun hemm qbil ugwali u dinjituż bejn it-tnejn. Naħa waħda biżżejjed biex tħarbtu.

Imma x’jista’ jsir bil-fatti?

Sakemm iż-żewġ naħat jibqgħu jaħsbu li bil-gwerra biss jiksbu l-għanijiet tagħhom, mhux se jieqfu jiġġieldu. Iż-żewġ naħat jersqu għan-negozjati meta jaraw li bin-negozjati biss jistgħu jaslu. Meta ż-żewġ naħat jifhmu li bi gwerra t-tnejn għandhomx x’jitilfu, allura forsi jkun sar iż-żmien li jibdew jaħsbu kif se jiġbru l-biċċiet minn din il-gwerra terribbli la naħa u lanqas oħra mhu se tkun tista’ tieħu dak kollu li trid. Għalkemm hemm bżonn ta’ tfittxija għall-kompromess diffiċli li ma jkunx kapitulazzjoni, telfa. B’xi mod irid jinstab kompromess ġust u dinjituż aċċettabbli għaż-żewġ naħat. Bħalissa jidher impossibbli.

Imma jekk b’xi mod jew ieħor mhux se naslu għal xi tip ta’ kompromess, diffiċli kemm hu diffiċli, ġejja xitwa kiefra. Jew kompromess jew katastrofi. Sakemm ir-Russja u l-Ukrajna jibqgħu jemmnu li jistgħu jirbħu u jiddeċiedu l-kwistjonijiet bejniethom fuq il-kamp tal-battalja, se jkomplu jiġġieldu. Mhux se jkunu lesti jpoġġu madwar medja.

U jekk il-kwistjonijiet se jiġu deċiżi fuq il-kamp tal-battalja, jirbaħ min jirbaħ, terġa’ tfaqqa’ gwerra oħra fis-snin li ġejjin għax in-naħa li titlef ma taċċettax it-telfa. Ftehim biss, diffiċli kemm hu diffiċli, ftehim dinjituż għaż-żewġ naħat biss jista’ forsi jwassal għall-paċi ġusta bejn dawn iż-żewġ ġirien. Fl-aħħar 400 sena kien hemm mill-inqas 12-il gwerra li fihom kienu mdaħħlin fi gwerra kontra xulxin l-Ukrajna u r-Russja.

Hu u jiftaħ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, is-Segretarju Ġenerali Antonio Guterres wissa li ġejja xitwa ta’ skuntentizza kbira fuq id-dinja kollha bil-prezzijiet jogħlew, b’dinja fejn il-klima qed tisħon iżjed u b’kunflitti li qed iġibu ħafna mwiet, qerda u tbatija.

Ekonomija

Sport