Thursday, April 18, 2024

AĠĠORNATA: Żewġ anzjani li ntlaqtu fuq l-istage sofrew ġrieħi gravi

Aqra wkoll

Ħames persuni ddaħħlu l-Isptar wara li aktar kmieni għall-ħabta tad-8:45 a,m kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 44 sena residenti l-Qrendi, kien qed isuq karozza Mercedes Benz meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u ħabat ġo Toyota Vitz li kienet ipparkjata.

Bid-daqqa, it-Toyota mxiet minn postha, daħlet f’stage tal-linja u laqtet erba’ persuni; tliet nisa ta’ 62, 66 u 68 sena u raġel ta’ 88 sena, kollha residenti l-Qrendi.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi ħadu l-persuni kollha l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ta’ 62 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament, ir-raġel ta’ 88 sena u l-mara ta’ 68 sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel ta’ 44 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief. Il-kundizzjoni tal-mara ta’ 66 sena għadha pendenti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana ġie infurmat u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport